Stqarrija mill-uffiċċju tal-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca | One News

Stqarrija mill-uffiċċju tal-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca

Fi stqarrija mill-uffiċċju tal-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca intwera d-diżappunt għal attentat mill-ġurnalist Ivan Camilleri li jiddiskredita r-relazzjoni tagħha mas-suċċessur l-Eċċellenza tiegħu Dr. George Vella, President ta’ Malta. Dan huwa attentat ċar li jitfa’ dubju fuq il-ħidma tal-fondazzjoni li l-President Emeritus tmexxi.

L-artiklu in kwistjoni huwa malafamanti u l-uffiċċju jirriserva kull dritt bil-liġi. Intant fl-istess stqarrija issir referenza għall-istqarrija li kienet saret mill-Prim Ministru fil-5 ta’ Marzu 2019 qabel ma kien għadu spiċċa t-terminu tal-Eċċellenza tagħha minn President ta’ Malta fejn kien intqal li kien ġie deċiż li wara li l-President tispiċċa mill-Presidenza se tkompli tmexxi l-Fondazzjoni għat-Tisħiħ tas-Soċjetà li waqqfet hi stess; liema fondazzjoni żammet l-awtonomija tagħha biex tkompli taqdi l-funzjonijiet li għalih twaqqfet bir-riżorsi li diġà kienet topera bihom.

Minflok The Sunday Times of Malta għażlet li dan ma ssemmieħx bir-riżultat li tat impressjoni li din kienet deċiżjoni tal-Eċċellenza tagħha biex teskludi lill-President ta’ Malta; dan huwa ‘l bogħod mill-verità.

L-istess gazzetta kienet provduta b’iżjed informazzjoni fosthom li l-Eċċellenza tagħha Marie Louise Coleiro Preca ma tirċievi l-ebda renumerazzjoni għal dan ix-xogħol.

L-istqarrija tgħid li hija tal-mistħija kif il-ġurnalist Ivan Camilleri prova jitfa’ dawl ikrah fuq dawn l-inizjattivi u fondazzjonijiet li jagħmlu tant ġid.

Fl-aħħarnett, l-istqarrija tisħaq li r-relazzjoni bejn l-Eċċellenza tagħha u l-President ta’ Malta Dr. George Vella hija waħda tajba, tant li saru bosta laqgħat biex ix-xogħol għadda minn uffiċċju għall-ieħor b’numru ta’ laqgħat li saru apposta kif ukoll issemma l-fatt li l-Eċċellenza tieghu Dr. George Vella diġà kien mistieden biex ikun il-Patrun tal-‘Malta Trust Foundation.’

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend