L-impenn ambjentali se jgħolli l-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi – Dr Josianne Cutajar | One News

Notifiki

L-impenn ambjentali se jgħolli l-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi – Dr Josianne Cutajar

Ninsab kburija bl-impenn ambjentali tal-Gvern. Qed jibgħat sinjali pożittivi ħafna li l-livell tal-għajxien tagħna l-Maltin u l-Għawdxin se jkompli jogħla.

Hekk qalet Dr Josianne Cutajar, kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista fid-dawl ta’ proġetti estensivi mħabbra matul din il-ġimgħa li se jassiguraw aktar spazji miftuħin biex jitgawdew mill-familji.

Wara li ntlaħaq ftehim mal-Freeport, f’żona li fiha kien se jiġi estiż il-Port Ħieles, minflok se ssir afforestazzjoni u tiġi żviluppata Camping Site. Dan fi kliem Cutajar, se jservi ta’ pulmun ġdid għar-residenti fin-naħa t’isfel ta’ Malta li fil-passat sofrew minn deċiżjonijiet ħżiena li naqqsu naqqsu l-kwalità tal-arja fiż-żona.

Aktar ‘il fuq fil-pajjiż proprju f’Ta’ Qali, se jinħoloq l-akbar spazju miftuħ biex jitgawda mill-familji. Dan hekk kif it-twaqqigħ ta’ fabbrika tal-konkrit se tagħmel possibbi l-ħolqien ta’ Park Nazzjonali fuq medda ta’ 450,000 metru kwadru. Il-proġett jinkludi t-tħawwil ta’ madwar 80 elf siġra.

Dr Cutajar laqgħet ukoll bi pjaċir l-aħbar li l-miżbla tal-Qortin f’Għawdex se tiġi mibdula għal kollox. Minflok se tibqa’ miżbla s-sit se jsir park biex ukoll jitgawda mill-familji.

Hija faħħret l-innovazzjoni fil-proġett ta’ Santa Venera fejn se tissaqqaf iż-żona tal-mini biex fuqhom jinħoloq spazju miftuħ imdaqqas.

Dr Josianne Cutajar, li qed timbotta politika li tagħti valur għoli l-ħarsien tal-ambjent naturali u l-iżvilupp sostenibbli, fissret kif wara li bit-tkabbir ekonomiku pajjiżna sar jattira ħafna investiment li ġab rekord ta’ xogħol, proġetti bħal dawn ikomplu jżidu l-ġmiel tal-pajjiż u jagħmlu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin tal-familja aktar possibbli.

Hija saħqet fuq il-ħtieġa ta’ Master Plans anke għaż-żoni urbani biex nassiguraw aktar spazji miftuħin fejn jgħixu n-nies. Billi nippjanaw tajjeb u nippromwovu ideat innovattivi nistgħu nagħmlu differenza kbira, qalet Cutajar. Hawn fissret l-impatt pożittiv li jista’ jkollu fuq it-traffiku, servizz aktar mifrux ta’ trasport bil-baħar fil-portijiet tagħna. Cutajar ħeġġet ukoll il-promozzjoni ta’ soqfa ħodor (green roofs) l-aktar fuq binjiet imdaqqsa u kummerċjali li f’pajjiżi Ewropej oħra huma suċċess.

L-iżgħar kandidata f’isem il-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, qalet li dawn il-proġetti jingħaqdu mal-qalba għall-użu tal-gass fil-produzzjoni tal-enerġija mill-użu tal-Heavy Fuel Oil li naqqas it-trab iswed b’90%. Jingħaqdu wkoll mal-inċinerazzjoni, l-impenn tal-gvern biex jitnaqqas l-użu tal-plastik u mal-kampanja mifruxa ta’ separazzjoni tal-iskart li llum tinvolvi lil kull familja Maltija u Għawdxija.

Flimkien mal-viżjoni li Malta, imma b’mod partikolari Għawdex, isir pijunier fl-użu mifrux tal-vetturi li jaħdmu bl-elettriku, Cutajar qalet li dawn il-miżuri qed ikomplu jagħmluha possibbli li pajjiżna jilħaq il-mira Ewropea li jnaqqas l-emissjonijiet li jniġġsu b’40%.

Politika ambjentali b’saħħitha bħal din tgħinha niġġieldu t-Tibdil fil-Klima, sostniet Cutajar, li fi kliemha f’pajjiżna għadna ma nitkellmux biżżejjed dwaru.

Dr Josianne Cutajar temmet tgħid li miżuri bħal dawn jagħmlu ġid lis-saħħa tagħna lkoll, inkluż is-saħħa mentali.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend