Inawgurati l-proġetti ‘Reflections and Connections’ u ‘Ħaġarna’ bħala parti minn Art in Public Spaces – One News

Notifiki

Inawgurati l-proġetti ‘Reflections and Connections’ u ‘Ħaġarna’ bħala parti minn Art in Public Spaces

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg inawgura tnejn mill-proġetti li kienu rebħu l-kompetizzjoni Art in Public Spaces li nħarġet fl-2015. Bħala parti minn din il-kompetizzjoni kienu rebħu 6 proġetti differenti li kienu maħsuba għal 6 spazji partikolari.

Iż-żewġ proġetti li ġew inawgurati jinsabu f’Għawdex, fejn ‘Reflections and Connections’ huwa taraġ pubbliku li ġie mżewwaq bil-mużajk f’Għajnsielem u ‘Ħaġarna’ huwa xogħol ta’ skultura kontemporanja fix-Xagħra. Għall-inawgurazzjoni tat-tieni proġett kien hemm preżenti wkoll il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana.

“Nemmen bis-sħiħ fl-importanza li nagħtu spazji pubbliċi lin-nies u nemmen li dawn għandhom jkollhom dehra estetikament pjaċevoli. Naħseb li l-arti hija waħda minn dawk l-affarijiet li l-aktar li jagħtu kulur lill-ħajja, waħda mill-aħjar modi ta’ kif aħna nistgħu nidentifikaw mal-kultura tagħna u nesprimu ruħna. U kuntent nara li fit-tieni edizzjoni tal-kompetizzjoni “Art in Public Spaces” li nedejna din is-sena intlaqgħu numru kbir ta’ proġetti li jfisser li kemm l-artisti kif ukoll il-kunsilli qegħdin jaħdmu flimkien favur l-arti u favur aktar benefiċċji għall-komunità,” tenna l-Ministru Borg.

Huwa faħħar lill-artista Mary Portelli għat-taraġ ikkulurit li sebbaħ faċilità li tintuża kemm mir-residenti kif ukoll mit-turisti u qal li dan it-taraġ ta ħajja ġdida lil dawn l-inħawi, filwaqt li faħħarha għall-kreattività tagħha.

Fl-istess waqt huwa tkellem ukoll dwar l-arti fl-iskultura ‘Ħaġarna’ ta’ Victor Agius li tirrifletti l-identità, l-istorja u l-wirt kulturali tal-lokalità tax-Xagħra li għandha identità b’saħħitha li tmur lura għal żmien il-preistorja. Huwa faħħar ukoll l-użu tal-poeżija u tal-prestazzjoni, li jdaħħlu f’dan ix-xogħol l-ilsien Malti u l-folklor, li magħhom jistgħu jidentifikaw kulturalment in-nies.

“Naħseb li l-Gvern qiegħed jagħmel biċċa xogħol siewja fil-ħidma tiegħu għal spażji pubbliċi ta’ kwalità li dejjem titjieb. Bħala Ministeru, mill-2017 se nkunu tajna kważi 70 spazju pubbliku ġdid jew imsebbaħ lin-nies, u kuntent li kellna wkoll din l-inizjattiva biex tippromwovi l-identità unika ta’ dawn il-komunitajiet filwaqt li tat spazju lill-artisti biex jesprimu l-viżjoni tagħhom. Il-komunitajiet tagħna għal qalbna ferm u nħoss li nirrappreżentawhom aħjar meta noħolqu spazji li jgħollu l-kwalità tal-ħajja u l-livell tal-għajxien tal-poplu,” għalaq il-Ministru Borg.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend