Ħaġarna, skultura ġdida fix-Xagħra Għawdex | One News

Notifiki

Ħaġarna, skultura ġdida fix-Xagħra Għawdex

Is-Sibt ġiet inawgurata Ħaġarna, skultura pubblika, mill-artist Għawdxi Victor Agius, li tiċċelebra l-ħaġar millenarju tar-raħal tax-Xagħra. Żewġ ħaġriet kbar bi spazju bejniethom jistiednu lill-pubbliku joforqu bejniethom billi jimxu minn ġo fihom.

Ħaġarna tinsab fin-naħħa ta’ fuq tal-bandli tax-Xagħra bil-vojt ta’ bejn il-blat jipponta eżatt lejn id direzzjoni tal-Lvant mnejn titla’ x-xemx bil-qċaċet tal-blat żonqri tal-Ġgantija jidher fil-bogħod. L-art ta’ dan il-passaġġ hija art tal-ħġieġ sabiex meta wieħed jimxi jara taħtu panew miksi bit-terrarossa u okra ħamra miġbura mix-Xagħra. Parti minn dan il-panew inħadem flimkien ma’ xi istudenti tas-sitt sena tal-iskola Primarja tax-Xagħra.

L-okra ħamra qed isservi ta’ riflessjoni dwar niesna tal-qedem peress li dan il-kulur naturali kien jintuża ħafna f’ritwali tad-dfin u anke f’dekorazzjoni fil-fuħħar u anke mal-ħitan tat-tempji fi żmien il-preistorja. L-iskultura għandha żewġ strofi minn żewġ poeżiji sgraffiti fil-wiċċ lixx ta’ ġewwa l-ħaġar. L-engraving sar mill-marmista’ Xagħri Raymond Bonello. Dawn huma ‘L-Għanja tal-Inkurunazzjoni’,1973 tal-mibki Mons Mikelanġ Apap li nqrat minn neputi s-Sur Mario Debono u ‘Ġgantija II’, 2014 tal-awtur Malti Dr Immanuel Mifsud. Il-poeżija Ġgantija II oriġinarjament kienet inkitbet waqt il-proġett Ġgantija 2013 li kien sar fit-tempji infushom fis-solstizju bil-mużika kontemporanja oriġinali tal-kompożitur Dr Mariella Cassar Cordina.

Fl-istess ħin, l-Għaqda Kumittiva Għawdex, Xagħra Historical Re-enactment Organisation u x-Xagħra Youth Centre taw s-sehem tagħhom waqt l-inawgurazzjoni b’membri minn dawn l-għaqdiet jagħmlu mixja simboliku fejn ġarrew terrarossa f’ reċipjenti tal-fuħħar mill-Ġgantija, miċ-Ċirklu tax-Xagħra, mill-għar ta’ Għejżu u minn Santa Verna lejn is-sit tal-bandli tax-Xagħra fi Vjal it-tmienja ta’ Settembru fejn imbgħad taw sehemom f’performance qasira qrib il-playingfield tax-Xagħra li hu magħruf ukoll bħala Carmelo Refalo Gardens. Agius uża ftit mit-terrarossa waqt performance qasira fejn applika ftitt minnha mal-wiċċ goff tal-ħaġar waqt li l-kompożitur Cassar Cordina esegwit ‘Ġ’ miktuba apposta għal dan ix-xogħol.

Fost il-Persuni li attendew għall-inawgurazzjoni kien hemm Ministru Ian Borg, il-Ministru Dr Justyne Caruana, ċ-Chairman ta’ Heritage Malta Anton Refalo, Is-sindku tax-Xagħra s-Sur Joe Cordina flimkien mal-membri kollha tal-kunsill, l-Arċipriet tax-Xagħra Mons. Carmelo Refalo, Dr Immanuel Mifsud, Dr Mariella Cassar Cordina, Prof. Vicky Ann Cremona u Dr Isabelle Gatt mill-Universita’ ta’ Malta kif ukoll bosta artisti u kuraturi fost l-oħrajn.

Il-proġett beda fl-2015, bi proposta bl-isem Ħaġarna preżentata f’isem l-artist Victor Agius u f’isem il-Kunsill Lokali tax-Xagħra ntagħżlet waqt Konkors Nazzjonali Arti fi Spazji Pubbliċi organizzat mill-Ministeru tat-Transport, Infrastruttura u Proġetti kapitali b’kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, Il-Kunsill Malti għall-Arti, l-Mużew Nazzjonali tal-Arti fil-Komunita’ – MUŻA fi ħdan (Heritage Malta) u anke l-Ministeru ta’ Għawdex.

 

Ritratti: Samuel Masini

Filmat: Manny Buhagiar

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend