Għamilna f’sitt snin dak li ħaddieħor għamel f’25 sena – One News

Notifiki

Għamilna f’sitt snin dak li ħaddieħor għamel f’25 sena

Fil-Mosta wkoll il-Prim Ministru qal li l-kwalità tal-ħajja tista’ tkun prijorità tal-gvern għax għandna l-ekonomija b’saħħitha.

“Meta nżommu dan il-punt f’moħħna iktar naraw l-iskop tagħna u jekk ux qed nilħqu dan l-iskop,” qal il-Prim Ministru li tkellem dwar kif kull min irid jaħdem għandu jkollu l-opportunitá biex jagħmel dan.

“Tlaqna b’iktar minn 7,000 ruħ jirreġistraw għax-xogħol… 7,000 ruħ li kienu qegħdin jiżdiedu kull ħin u kull mument… tlieta minn kull erba’ min-nies jirreġistraw għax-xogħol meta dħalna fil-gvern illum sabu xogħol. Iktar minn hekk sabu x-xogħol iż-żgħażagħ u n-nisa li daħlu għall-ewwel darba fid-dinja tax-xogħol,” sostna l-Prim Ministru.

Tkellem ukoll dwar il-faqar li hija realtà li rridu niġġieldulha permezz tax-xogħol u l-edukazzjoni. “Tnejn minn kull tliet persuni li writnihom fil-faqar illum neħħejnihom. Xorta fadal 14,000 persuna li qed jgħixu f’kundizzjonijiet inaċettabbli… aħna dan ma naħbuhx, anżi npoġġuh fuq nett tal-aġenda għax mhux se nistireħu qabel ma jifdal lanqas persuna waħda fil-faqar,” qal il-Prim Ministru li tkellem dwar kif ix-xogħol jibqa’ l-kejl il-kbir tal-ekonomija.

Hawn tkellem fuq il-miri li ħoloq il-gvern.

Ħaddieħor bejn l-1987 u l-2012, ħoloq 56,500 post tax-xogħol. “Aħna f’sitt snin ħloqna 66,000 post tax-xogħol… dak li ħaddieħor ħoloq f’25 sena aħna qbiżnih f’ħames snin biss,” qal il-Prim Ministru li tkellem kif dan iwassal biex in-nies irabbu l-fiduċja u l-prijoritajiet bdew jinbidlu u jiżviluppaw. “Illum il-poplu Malti u Għawdxi moħħu mistrieħ mill-ekonomija,” tenna l-Prim Ministru li dan hu x-xogħol ta’ tim magħqud.

Għalhekk il-prijoritajiet tal-familji tagħna qed jinbidlu, fejn in-nies illum huma ffukati fuq sfidi marbuta mal-kwalità tal-ħajja u fisser kif issa rridu mmorru pass ieħor ‘il quddiem. “L-ikbar kejl tal-kwalità tal-ħajja huwa l-ħin,” qal il-Prim Ministru li tenna kif din hija l-prijorità l-kbira għaż-żmien li ġej bl-enfasi issa hija l-infrastruttura, l-inklużjoni u l-innovazzjoni.

“Għandna l-prinċipji u l-ideat tagħna ċari. Nistgħu nieħdu deċiżjonijiet li jkunu mdawwlin minn dawn il-prinċipji,” qal il-Prim Ministru li tkellem dwar medda enormi ta’ art li f’Ta’ Qali  kienet fabbrika mitluqa. “Bħalissa għandna ħemel kumpaniji li għandhom bżonn fabbrika f’pajjiżna… kien hemm it-tentazzjoni li post bħal dan nistgħu noħolqu mijiet ta’ impjiegi oħra,” qal il-Prim Ministru li spjega kif minflok ittieħdet id-deċiżjoni li din l-art u toroq oħra mhux użati l-park nazzjonali f’Ta’ Qali se jkun id-doppju. Fisser kif din mhix biss inizjattiva waħda u ttieħdu deċiżjonijiet simili f’Birżebbuġa u fiċ-ċentru ta’ Malta bil-mini ta’ Santa Venera se jissaqfu u jinħoloq spazju miftuħ. F’dawn il-proġetti fejn se jkunu miżrugħa 100,000 siġra.

Il-Prim Ministru fisser kif il-gvern qed juri wkoll ir-ruħ soċjali tiegħu fejn  minn pjan fejn kien se jkollna 1,000 post tal-housing ġdid, issa permezz ta’ bidla, fi ftit tax-xhur oħra se jkollna 1,700 post ġdid. Settur fejn il-gvern se jagħmel bidliet oħra.

“Dan hu gvern li ma jistrieħx fuq is-suċċessi tiegħu… m’aħniex se nistrieħu fuq dawn is-suċċessi,” qal il-Prim Ministru li semma l-investiment li se jsir fiċ-ċentru tal-ortopedija u l-investiment li qed isir f’San Vincenz De Paul, anke f’sezzjoni fejn jħixu ż-żgħażagħ.

Hawn irrimarka l-importanza li x-xogħol jinħoloq, biex jinħoloq il-ġid biex imbagħad jintuża għall-ġustizzja soċjali u l-mobbilta soċjali. “Għalhekk ħbieb tiegħi, jien kuntent ħafna li matul dan il-kampanja li diġa’ għaddiet nofsha u fi 13 –il jum li fadal qed nitkellmu dwar it-temi li jaffetwaw il-ħajja tan-nies. La noqgħodu ninħlew inbeżżgħu, la noqgħodu ninħlew nattakkaw… nitkellmu dwar dak li jgħodd fil-ħajja tan-nies,” sostna l-Prim Ministru li tkellem dwar kif kulħadd jista’ jara d-differenza.

“Ħaddieħor għadu ma fehemx x’inhuma l-prinċipji tiegħu u għalhekk dak li jgħid ikun kontradittorju. Waħda tmur kontra l-oħra. Prijorità li tmur kontra prijorità oħra,” qal il-Prim Ministru li nnota l-kontradizzjonijiet li ħerġin fid-deher u għalhekk jibdew l-istess kantalieni ta’ min hu dahru mal-ħajt.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend