Hekk kif id-dinja qed tiċċelebra jum l-omm, din il-ġurnata ta’ apprezzament taf tqanqal dieqa fost nisa li jkunu tilfu t-tarbija tagħhom fit-tqala. Minkejja din l-esperjenza trawmatika, grupp ta’ nisa minn ‘Dress an Angel’ fil-ħin liberu tagħhom iħitu l-ilbiesi biex ilibbsu trabi li jkunu twieldu mejta.
ONE News tkellem ma’ Candice Vella Bencini li kienet il-moħħ wara l-għaqda ‘Dress an Angel’ li spjegat dwar l-inizjattivi li jsiru bil-għan li jkunu ta’ wens għal ġenituri li jkunu għadhom kif tilfu wild:
“Is-sapport li noffru huwa ta’ ‘gowns’ għaliex dawn mhumiex affarijiet li tista’ tixtrihom plus li inti tkun taħt shock gravi. Għadna l- ilbiesi u l-pockets tal-miscarraiges għal babies ħafna iżgħar.”
Ma’ ONE News, is-Sinjura Vella Bencini spjegat kif apparti l-ilbiesi tat-trabi li huma magħmula mil-libsa tat-tieġ tal-għarusa, ‘Dress an Angel’ jaħsbu wkoll fi trabi li jkunu fit-taqsima tal-kura intensiva magħrufa aħjar bħala NPICU kif ukoll għal trabi li jkunu f’qagħda kritika fejn dawn ikollhom bżonn jitgħamdu malajr. Għal dawn tal-aħħar, il-ġenituri jingħataw xemgħa:
“L-iskop tagħna huwa biex nagħmlu l-proċess naqa eħfef biex noffru għajnuna mhux biss lil min tilef it-tarbija imma wkoll lil min ikollu tarbija fl-npicu għandi min jagħmel octopuses u nagħmlu soft toys għall-aħwa.”
Kull omm li tgħaddi minn din l-esperjenza tingħata l-għajnuna kollha meħtieġa mill-Bereavement and Support Midwifery Services fl-Isptar Mater Dei. Iltqajna ma’ Sandra Castillo li hija qabla f’dan id-dipartiment li fissret kif qabel ma kien hawn ‘Dress an Angel’, il-qabla kienet tgeżwer lit-tarbija f’xugaman:
“Din hija xi ħaġa ta’ għajnuna kbira għalina. Kienet dejjem uġiegħ ta’ ras għal kull midwife ta’ kif ser nippreżentaw lil din it-tarbija b’dan il-mod u kif ħa nħalluha bid-diċenza tagħha; qabel konna ngeżwruhom f’garża jew xugaman.”
B’dawn l-ilbiesi, l-omm tkun tista tħaddan it-tarbija magħha għall-ewwel u l-aħħar darba, jew ikollha tifkira tagħha b’din il-libsa qabel ma din tingħaqad mal-ħallieq għal ħajja ta’ dejjem.