Il-Pulizija arrestat żewġ persuni minħabba traffikar ta’ droga f’Malta u anke f’Għawdex.
Iż-żewġ persuni huma mara ta’ 43 sena residenti l-Belt Valletta u raġel ta’ 29 sena residenti x-Xagħra Għawdex.
Il-mara ġiet arrestata ġewwa l-Ħamrun wara li nstabet fil-pussess ta’ sustanza suspettata droga kokaina u ħaxixa tal-kannabis, li ma kienux għall-użu personali tagħha. Min-naħa l-oħra r-raġel ġie arrestat ġewwa l-Imġarr, Għawdex wara li nstab f’ammont ta’ droga kokaina lesta biex tiġi traffikata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin filwaqt li l-persuni mistennija jitressqu l-Qorti fis-sigħat li ġejjin separatament taħt arrest. Iż-żewġ persuni mistennija jkunu akkużati b’pussess aggravat ta’ droga kokaina u ħaxixa tal-kannabis.