“Nagħtu risposta bil-vot tagħna lil min ivvota kontra Malta” – il-Prim Ministru – One News

Notifiki

“Nagħtu risposta bil-vot tagħna lil min ivvota kontra Malta” – il-Prim Ministru

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, tkellem dwar l-ipokrezija ta’ esponenti tal-Partit Nazzjonalista li, filwaqt li jbeżżgħu li jista’ jiġi xi ħadd minn barra biex jindaħlilna x’nagħmlu dwar it-taxxa, kienu huma stess li vvotaw kontra l-interess ta’ pajjiżna.

B’referenza għal temi bħal abort u s-s-sistema ta’ tassazzjoni l-Prim Ministru tenna li dawn huma kompetenza nazzjonali.  “Mhu se jiġi ħadd minn barra li jġiegħlna mmorru naħa jew oħra,” qal il-Prim Ministru.

Kien hawn li tkellem kif kien hemm ipokrezija.

“Rajna ipokrezija kbira minn esponenti tal-Partit Nazzjonalista. Niskopru li meta kellhom iċ-ċans li jivvotaw, ivvotaw, mhux biss tkellmu, għax nafu li jitkellmu kontra Malta… sirna nafu li mhux biss jitkellmu, jivvotaw kontra l-interessi ta’ Malta. Dan il-punt ġie għall-attenzjoni tiegħi numru ta’ ġimgħat ilu. Meta ġie għall-attenzjoni tiegħi għidt ejja nistennew għax dan żball… ejja nagħtuhom iċ-ċans ħa jikkoreġuh,” qal il-Prim Ministru li spjega fid-dettall il-vot tal-esponenti tal-Partit Nazzjonalsita.

Tenna li l-Membri tal-Parlament Ewropew ivvotaw fuq paragrafu li jgħid li s-sistema ta’ tassazzjoni Maltija timmina dik Ewropea. Joseph Muscat fakkar kif din hi l-istess sistema li ħallew gvernijiet nazzjonalisti.  “Tant kemm ħakmithom din il-kilba li jipprovaw jimminaw lill-pajjiż,” qal Joseph Muscat li aċċerta lil kul min jaħdem fis-sistema finanzjarja ta’ pajjiżna u setturi li jmissu miegħu li di tagħna hi sistema konformi mar-regoli tal-Unjoni Ewropea. “Aħna se nibqgħu naqbżu għalihom dawn in-nies,” qal il-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat rrimarka għal iktar minn darba kif it-tassazzjoni hi kompetenza tal-gvern u għamilha ċara li l-Partit Soċjalista Ewropew jaf li mal-Partit Laburista hemm diverġenza fuq dan is-suġġett.

“Din hi deċiżjoni li joħodha l-gvern Malti u l-gvern Malti jrid ikun li jċedi minn idejh dan id-dritt ta’ Veto… u la l-gvern Malti u lanqas numru ta’ gvernijiet oħra mhu se jċedu dan id-dritt,” qal il-Prim Ministru.

Minflok kienu l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista li vvotaw kontra dan il-kunċett ftit tal-ġimgħat ilu.

“Issa mhux kwistjoni joqgħodu jgħajru lil Joseph Muscat. Jiġu jaqblu ma’ min irid jimmina l-interess nazzjonali?! Għalhekk fil-25 ta’ Mejju li ġej irridu nagħtu risposta bil-vot tagħna,” qal il-Prim Ministru li żied li hu jibqa’ jpoġġi ismu taħt kull kandidat tal-Partit Laburista li ħiereġ għall-Parlament Ewropew u tenna kif din hi l-għażla li l-poplu għandu quddiemu.

“Il-poplu għandu għażla bejn min irid jagħmel u joħloq ix-xoħgol u min irid jiżra l-firda,” qal il-Prim Ministru li reġa’ tenna li hemm għażla bejn Joseph Muscat u Adrian Delia wkoll.

“Il-messaġġ ma jasalx biċ-ċapċip. Biċ-ċapċip ma jintrebħux elezzjonijiet, bil-voti li rridu mmorru nivvotaw,” kompla Joseph Muscat li qal li huwa b’dan il-mod li lil min ivvota, mhux biss tkellem, kontra Malta u Għawdex, nagħtuh risposta.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend