Wara ftehim mal-Ministeru għal Għawdex, l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) ser issaħħaħ l-operat tagħha f’Għawdex bil-ftuħ ta’ uffiċċju ġdid mifrux fuq spazju ta’ 220 metru kwadru
Waqt l-inawgurazzjoni ta’ dan l-uffiċċju ġdid, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li l-Ministeru ghal Għawdex qed iwettaq il-wegħda li joħloq iktar xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin u dan bis-saħħa ta’ ħidma kbira li qed titwettaq mill-Ministeru ghal Ghawdex. Biex jilħaq ftehim ma’ diversi ministeri, dipartimenti u entitajiet biex jinħolqu opportunitajiet ta’ xogħol f’Għawdex għall-ħaddiema Għawdxin. Il-Ministru Caruana fakkret kif kien f’Ottubru li għadda li ġie iffirmat ftehim li bis-saħħa tiegħu l-Ministeru għal Għawdex ta post li minnu tkun tista’ topera l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur biex minnu jkunu jistghu jingħataw s-servizzi lill-pubbliku Għawdxi f’Għawdex stess.
Bis-saħħa ta’ dan il-proġett l-impjegati Għawdxin li jaħdmu mal-istess awtorità f’Malta issa għandhom il-possibilità li jaħdmu f’Għawdex u hemm ukoll potenzjal reali li jinħolqu opportunitajiet ta’ impjiegi ġodda f’Għawdex stess. Il-Ministru Caruana ħabbret li diġa hemm awtorità u entità oħra li diġà ntlaħaq ftehim magħhom, fejn ukoll il-Ministeru għal Għawdex qed joffri l-uffiċini li minnhom ikun jista’ jsir ix-xogħol biex iktar ħaddiema Għawdxin li jahdmu Malta jiġu jaħdmu Għawdex stess.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur, Indafa Pubblika u s-Sostenn tal-Belt Kapitali Deo Debattista spjega kif minn din l-inizjattiva tal-ftuħ ta’ uffiċċju ġdid tal-MCCAA fil-gżira t’Għawdex ħa jgawdu kemm il-konsumatur Għawdxi, il-ħaddiem Għawdxi, kif ukoll l-industrija Għawdxija. Dan għaliex se jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-impjegati Għawdxin tal-Awtorità, filwaqt li jiġu offruti numru ta’ servizz ta’ kwalità lill-konsumatur u lill-industrija Għawdxija.
Ritratt: MGOZ