Fl-aħħar jiem il-Ministeru għas-Saħħa ppreżenta lill-Awtorità tal-Ippjanar id-disinji tal-blokk il-ġdid tal-Outpatients li se jinbena ħdejn l-Isptar Mater Dei. Dan il-proġett hu stmat li se jkun jiswa €170 miljun u se jitlesta fi żmien erba’ snin.
Dan il-bini se jkun ċentru tal-Outpatients modern b’enfasi fuq l-aħjar kura għall-pazjent f’binja mill-aktar moderna. Il-binja se jkollha arja totali ta’ 16,550 metru kwardu u se tinkludi wkoll parkeġġ. Il-parkeġġ se jkun fuq żewġ livelli, livell għall-parkeġġ tal-istaff u livell għall-parkeġġ pubbliku. B’kollox il-parkeġġ se jesa’ 661 vettura.
Sular minn din il-binja se jkun użat bħala venda għat-trasport pubbliku biex b’hekk tonqos il-konġestjoni tat-traffiku fl-entratura tal-Isptar Mater Dei.
Il-binja se toffri kmamar għal konsulenzi mediċi fl-ispeċjalitajiet kollha eżistenti fil-binja tal-Outpatients tal-lum filwaqt li se tintegra wkoll servizzi kliniċi relatati li fil-preżent mhumiex fil-binja tal-Outpatients.
Il-binja l-ġdida ma tridx sempliċiment tassorbi l-bżonn tal-Outpatients tal-lum iżda tħares ukoll lejn il-bżonnijiet ta’ pajjiżna fil-futur.