Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol fi stqarrija rrefera għal numru ta’ posts li saru fl-aħħar jiem fuq il-media soċjali fejn qed isiru allegazzjonijiet kompletament foloz u rresponsabbli dwar it-tagħlim tas-suġġett PSCD li jiġi mgħallem fis-sitt sena tal-iskejjel tal-Istat.
Il-Ministeru qal li s-sillabu ta’ dan is-suġġett jiddiskuti fost l-oħrajn l-iżvilupp tas-sesswalità b’mod mill-iktar xieraq u adattat għat-tfal ta’ dik l-età filwaqt li jitfa’ s-suġġett fil-kuntest tal-iżvilupp ta’ relazzjonijiet sinċiera mibnija fuq l-imħabba. Ir-referenza li ssir għal persuni gay issir b’mod mill-iktar adattat għall-età tat-tfal tas-sitt sena kif inhu xieraq f’soċjetà li hi kburija li hi tolleranti, favur id-diversità u li tifhem kemm hu importanti li trawwem il-valur tat-tolleranza u r-rispett reċiproku fost it-tfal tagħha.
Il-ġenituri huma infurmati b’mod sħiħ dwar dan is-suġġett partikulari. Fil-fatt, dan hu marbut mal-iżvilupp tas-sesswalità li jiġi spjegat lill-ġenituri kollha tat-tfal f’laqgħa li ssir apposta biex jingħata l-kuntest kollu ta’ kif se jiġi mgħallem is-suġġett. Is-sillabu tas-suġġett hu wkoll pubbliku fuq il-website tad-Direttorat għall-Programmi ta’ Tagħlim u Assessjar, www.curriculum.gov.mt, u ilu pubbliku għal numru ta’ snin. Il-workbook li jintuża mit-tfal hu wkoll pubbliku u jingħata lit-tfal tas-sitt sena stess.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol esprima d-diżappunt tiegħu għall-mod irresponsabbli kif xi persuni qed jitfgħu posts u jxandru stqarrijiet kompletament foloz dwar skejjel partikulari u dwar is-suġġett tal-PSCD.
Pubblikament, il-Ministeru rringrazzja lill-iskejjel , lill-għalliema u lill-uffiċjali edukattivi li qed jedukaw lill-istudenti tagħna dwar dan is-suġġett delikat. Temm billi qal li hu importanti li dan is-suġġett jiġi mgħallem bil-mod kif qed isir fis-sillabu preżenti b’responsabbiltà u b’rispett lejn id-dinjità tal-persuna.