L-Awtorità tad-Djar nediet skema t’għajnuna finanzjarja għall-istudenti Għawdxin li jistudjaw u jgħixu f’Malta, li se jingħataw sa €900 fis-sena. Għotja li se tiżdied mal-€1500 li diġa jirċievu tul is-sena akkademika. L-għajnuna addizzjonali se tingħata mill-Awtorita’ tad-Djar bħala kumpens għall-kera li jħallsu f’Malta.
F’konferenza tal-aħbarijiet f’Għawdex, is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li din l-ogħtja tmur paripassu mal-politika tal-Gvern għal akkomodazzjoni affordabbli.
Galdes qal li “Se tkun qed tgħin biex ħafna familji jitnaqsilhom il-piż tal-akkomodazzjoni u b’hekk allura l-istudenti Għawdxin jkunu jistgħu jikkompetu aħjar u jkollhom rashom mistrieħa li jlaħħqu mal-ħajja.
Din l-iskema hi miżura tal-baġit ta’ din is-sena, hekk kif preżentat mill-Ministru għall-Finanzi.
Dr. Paul Debattista mill-istess Ministeru qal kif din hi turija ċara li l-ġid li qed jinħoloq qed jitqassam b’mod ġust.
Debattista qal li “Is-surplus li qed nirreġistraw naraw li jinfirex kemm jista’ jkun fuq il-popolazzjoni kollha ħalli kulħadd igawdi minn dan il-ġid li qed jirnexxielna nkabbru”
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li dan il-kumpens se jiżdied ma dak li diġa jingħata mill-Ministeru għal Għawdex, li se jibda jitqassam kull xahar minflok kull tliet xhur.
Caruana qalet li “Bħala Ministeru għal Għawdex qed inmexxu ‘l quddiem inizjattivi kif ukoll diversi għajnuniet biex intejbu l-kwalita’ tal-ħajja mhux biss tal-istudenti u l-ħaddiema tagħna, imma anke tal-familji f’Għawdex”
Il-Ministru Caruana żiedet li bħliassa qed jiġu evalwati l-offerti li l-Gvern irċieva biex jibdew ix-xogħlijiet f’dar f’Birkirkara li se tinbidel f’hostel għall-istudenti universitarji Għawdxin.