Waqt żjara li saret fi Ġnien tal-Mall fil-Furjana mill-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi, membri tal-Kunsill Lokali tal-Furjana u uffiċjali tal-Grand Harbour Regeneration Corporation, ġie imħabbar investiment ta’ madwar €3.5 miljun f’riġenerazzjoni tas-sit ta’ Ġnien tal-Mall.
Il-Ministru Konrad Mizzi qal li apparti pavimentar u disinn ġdid, dan il-ġnien ser ikun jinkludi aktar siġar minn dawk preżenti, u għalhekk ser jiżdiedu l-ammont totali ta’ siġar. L-investiment jinkludi wkoll restawr ta’ żewġ monumenti, fosthom dak tal-Indipendenza, li jinstabu f’dan il-ġnien.
Huwa semma kif ir-riġenerazzjoni ta’ dan il-ġnien tikkumplementa l-proġetti l-oħra li saru fid-daħla tal-Belt Valletta u fil-Furjana. Permezz tal-Grand Harbour Regeneration Corporation, saru proġetti kbar bħal dawk li huma ta’ Pjazza Tritoni, ta’ Biskuttin, u ta’ Ġnien Laparelli li jinstabu propju maġemb dan il-post.
“Permezz ta’ dawn il-proġetti li qiegħdin inħabbru flimkien mal-Grand Harbour Regeneration Corporation, qegħdin nikkumplimentaw il-viżjoni ta’ dan il-Gvern biex itejjeb l-ambjent ta’ Malta permezz ta’ aktar spazji miftuħa u ta’ żoni ta’ rikreazzjoni fil-komunita’.” Ikkonkluda l-Ministru Mizzi