BIL-FILMAT: Il-Gvern irid jisma' l-opinjoni tiegħek dwar tnaqqis fl-użu tal-plastik | One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Il-Gvern irid jisma’ l-opinjoni tiegħek dwar tnaqqis fl-użu tal-plastik

Il-Gvern nieda għall-konsultazzjni pubblika l-politika nazzjonali bi tlieta u għoxrin miżura li għandhom l-għan li jillimitaw l-użu ta’ prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss qabel jintremew.

Dan kollu qed isir b’konformità ma’ politika Ewropea li għandha l-għan li tnaqqas l-użu tal-plastik li huwa dannu għall-ambjent.

Il-Perit Michelle Piccinino, li qed tikkordina l-proġett, spjegat li l-qafas imfassal mill-Gvern Malti jmur lil hinn minn dak propost fil-politika Ewropea biex minkejja li aħna l-iżgħar Stat Membru, xorta niksbu riżultati mixtieqa.

Tinkludi aktar minn 20 miżura biex inwaqqfu ċertu prodotti li jintużaw imma anke miżuri oħra bħal skemi volontarji li permezz tagħhom jitnaqqas iċ-ċans li dawn jidħlu fl-ambjent tagħna u jagħmlu l-ħsara.

Fost il-miżuri proposti hemm restrizzjonijiet ta’ ċertu prodotti tal- plastik fis-suq, rekwiżiti tad-disinn tal-prodott, u anke sistema ta’ rifużjoni fuq xi kontenuturi tal-plastik.

Tul l-aħħar xhur għadd ta’ stabbilimenti għażlu li ma jagħtux prodotti magħmula minn dan it-tip ta’ plastik fejn ma kienx hemm bżonnu.

Finalment biex mal-art ma narawx aktar prodotti tal-plastik kemm tal-użu tagħna kif ukoll li jagħmlu ħsara lill-ambjent.

Il-Ministru Josè Herrera u s-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri laqgħu l-miżuri mfassla mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, u ħeġġu lill-pubbliku biex jipparteċipaw fil-konsultazzjoni.

Il-konsultazzjoni nfetħet fl-10 ta’ Mejju u se tibqa’ miftuħa għal sitt ġimgħat. Il-pubbliku huwa mitlub jibgħat il-kummenti tiegħu fuq [email protected].

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend