Waqt laqgħa taħt it-tinda f’San Pawl il-Baħar, Il-kandidata għall-Parlament Ewropew Fleur Vella spjegat il-prijoritatjiet tagħha għal ħidma fi ħdan il-Parlament Ewropew.
Dwar l-immigrazjoni saħqet li mekkanniżmi ta’ solidarjeta’ kif imħaddma minn Partit Laburista fil-Gvern għandhom ikunu immexxija mill-Kummisjoni Ewropeja biex hekk ikollna Ewropa li verament taħdem għalina.
Hija enfasiżżat li ser tiġġieled biex Malta ma ssirx ċentru fejn jieqfu l-immigranti sakemm jigu distribwiti fost pajjiżi oħra.
Konxja li f ‘ċerti lokalitajiet ikun hemm mġieba anti-soċjali, Fleur Vella saħqet li tappoġġja l-ħidma li qed issir minn Gvern Laburista biex ikun hemm tisħiħ tas-sigurtà permezz ta’ għasses f’żoni problematici.
Fleur Vella saħqet ukoll li għandna Ewropa li ma tisfruttax biżżejjed is-saħħa diplomatika tagħha biex jitwaqqfu l-gwerer u għalhekk ikun hawn iktar stabilta’ fil-Mediterranan. Stabilita’ li hija tant meħtieġa għat-tkabbir tal-ġid.
Vella saħqet li l-Ewropa għandha tkun ‘leader’ fit-teknoloġiji ġodda bħal intelliġenza artifiċjali u block chain. Kompetizzjoni ġusta, fejn prodotti manifatturati bi standards tajbin ta’ ħarsien ta l-impjegati, riżorsi naturali u ambjent biex ikunu jistgħu jinbigħu fl-Unjoni Ewropeja, hija ukoll prijorita’ għal Vella.
Rigward l-ambjent, Vella saħqet li għandna bżonn Ewropa li tgħin biex innaqqsu ir-rimi ta plastic u jkollna metodi tat-trasport li l-inqas li jniġġsu filwaqt li jkun affordabbli.
Il-prijorita’ soċjali ta’ Vella fl-Ewropa hija li t-tfal kollha għandhom ikollhom aċċess għall-aqwa servizzi tas-saħħa u edukazzjoni. Għandna bżonn Ewropa ukoll fejn ikun hemm ‘housing’ affordabbli għal kulħadd.