Id-deputat nazzjonalista Toni Bezzina m’għandu l-ebda responsabbilita politika x’jerfa.
Hekk iddikjara l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, meta saqsejnih dwar jekk huwiex se jieħu passi fil-konfront ta’ Toni Bezzina.
“M’hemm l-ebda resp politika x tintrefa.”
Din il-ġimgħa l-qorti tal-appell kkonfermat li Toni Bezzina qabbad ħaddiem tal-gvern jagħmlu xogħol fil-kazin nazzjonalista taz-Zurrieq bla ħlas. Bezzina ġiegħel lil dawn ħaddiema jiffirmaw dikjarazzjoni falza li mhux vera wettqu x-xogħlijiet fil-kazin.
Aġir mhux gravi għal Adrian Delia li mhux se jġiegħel lil Toni Bezzina jerfa’ xi tip tar-responsabilità u se jibqa fil-grupp parlamentari nazzjonalista.
“Igifieri ha jibqa fil-grupp parlamentari? B’mod assolument.”
Fis-sentenza tal-appell l-Imħallef Anthony Ellul sostna li dan mhux il-mod kif isiru l-affarijiet u l-ħaddiema kellhom jitħallew liberi li jagħmlu dikjarazzjoni huma.
Sostna li l-ħaddiema ffirmaw u kkonfermaw id-dikjarazzjoni bil-ġurament kontra qalbhom. L-Imħallef qal li Toni Bezzina għandu jagħraf li żbalja u inqas jagħmilha tal-vittma jkun aħjar.
Adrian Delia li huwa ukoll il-kelliem tal-governanza t-tajba, reġa tilef test ieħor u se jħalli lid-deputat Toni Bezzina, li ġiegħel ħaddiema tal-gvern jiffirmaw d-dikjarazzjoni falza, fil-grupp parlamentari nazzjonalista.