Il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima Jose Herrera u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis ippresjedew għall-iffirmar tal-ftehim ma’ tmien Kunsilli Lokali li ser jibbenefikaw mill-proġett tal-Ministeru tal-Ambjent ‘Tħaddir tal-Komunitajiet’. Il-Kunsilli Lokali li ntagħżlu din is-sena huma l-Furjana, l-Kalkara, Marsaskala, l-Imtarfa, x-Xagħjra, ż-Żejtun u n-Nadur Għawdex, kif ukoll intgħażel l-ewwel proġett ta’ green wall f’Raħal Ġdid. Permezz ta’ dan l-iffirmar, ġiet imwettqa l-wegħda tal-Budget 2019.
B’kollox, mill-bidu ta’ dan il-proġett fl-2014 ibbenefikaw 35 Kunsilli Lokali u ġew allokatti aktar minn 1.2M ewro. L-allokazzjoni għat-tmien Kunsilli Lokali ser tkun ta’ €240,000, li 75% tal-fondi ser jingħataw illum malli jiffirmaw il-ftehim u 25% tal-fondi jingħataw mat-tlestija tal-proġett.
Fil-Furjana ser jitħawwlu siġra u 470 arbuxella u ser jiġu mħawwla fil-Mall, fi Pjazza Papa Gwanni XXIII, Pjazza Robert Samut fost siti oħra. Fil-Kalkara ser jitħawwlu 50 siġra u 147 arbuxella f’diversi siti fosthom ħdejn ir-Rinella, Marina Alley No. 1 u 2 u S. Filumena. F’Marsaskala ser jitħawwlu 37 siġra u 40 il-arbuxella f’diversi siti fosthom fi Triq is-Salina, fl-iskola primarja l-ġdida u fil-playing field taż-Żonqor. Fl-Imtarfa ser jsir ir-restawr ta’ Triq il-Kavallier Vincenzo Bonello Masġar li jkopri madwar 25 tomna ta’ art.
Fix-Xagħjra ser jitħawwlu 68 siġra u 231 arbuxella fix-Xagħjra Promenade, il- Fortizza tal-Grazzja u Triq il-Knisja fost siti oħra. Fiż-Żejtun ser jitħawwlu 85 siġra u 230 arbuxella fi Ġnien il-Kmandant, Ġnien San Girgor u Żona Ta’ Strejnu. Fin-Nadur Għawdex ser jitħawwlu 50 siġra u 147 il-arbuxella f’diversi siti fosthom Pjazza San Pietru u San Pawl, Belvedere – Triq Cocco Palmieri u faċċata tal-Iskola. Filwaqt li f’Raħal Ġdid ser jiġi installat Green Wall ta’ 52m2 .
Apparti dan il-ftehim mat-tmien kunsilli lokali, il-Ministru Jose Herrera u s-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis ħabbru li ser iqassmu wkoll 3,500 siġra lil 50 kunsill lokali li applikaw għal dawn is-siġar. Dan ser ikompli iwassal għal aktar tħaddir fil-komunitajiet tagħna.