F’attività mtella’ għaż-żgħażagħ, l-Ewroparlamentari Miriam Dalli tisħaq dwar il-ħtieġa ta’ inċentivi u miżuri biex żgħażagħ ikomplu javvanzaw fl-istudji anke meta jibdew jaħdmu
Malta: il-livell li jmiss għaż-żgħażagħ tfisser aktar opportunitajiet ta’ studju, xogħol u investiment fit-talenti tagħhom. Qalet dan l-Ewroparlamentari Miriam Dalli waqt li kienet qed tindirizza attività mtella’ għaż-żgħażagħ ġewwa l-Esplora Science Centre, il-Kalkara.
“Għalija l-livell li jmiss hu li nkomplu nsaħħu l-ekonomija ta’ pajjiżna u flimkien naraw l-affarijiet li bihom verament nistgħu nagħmlu bidla pożittiva,” qalet Miriam Dalli liż-żgħażagħ. “Nemmen li għandkom it-talent u rridu li ntukom l-opportunità tużaw it-talenti tagħkom.”
Żiedet illi hu importanti li l-istudenti jingħataw l-appoġġ meħtieġ biex ikomplu jistudjaw, filwaqt li dawk iż-żgħażagħ li għal xi raġuni jew oħra inqatgħu lura, ma jitħallewx waħedhom. “L-opportunitajiet ta’ studju qegħdin hemm għal kulħadd u rridu nkomplu naħdmu fuq dawn l-inċentivi,” qalet l-MEP Dalli.
L-attività ġiet organizzata bil-għan illi ż-żgħażagħ jgħidu tagħhom dwar fejn jaraw lil Malta fil-Livell Li Jmiss. Fost oħrajn kien hemm parteċipi l-Kunsill Studenti tal-Junior College, l-Għaqda Studenti tal-Liġi, l-Assoċazzjoni tal-iStudenti għal Studji Kummerċjali, il-Malta University Historical Society, il-Media and Knowledge Sciences Association, Pulse u l-Forum Żgħażagħ Laburisti.
L-interventi kienu varji iżda spikkaw temi komuni fost iż-żgħażagħ: opportunitajiet ta’ xogħol, bilanċ bejn studju u l-ħin rikreattiv, il-protezzjoni tal-ambjent u l-wirt storiku u trasport sostenibbli.
Kollha saħqu dwar l-importanza tal-Vot 16 li permezz tiegħu l-vuċi tagħhom saret akar b’saħħitha u rringrazzjaw lil Miriam Dalli talli kienet strumentali biex dan id-dritt jingħata. Bl-istess mod, żiedu jħeġġu aktar żgħażagħ biex ikunu wkoll attivi f’organizazzjonijiet studenteski.
B’referenza għal Vot 16, Miriam Dalli saħqet dwar l-importanza li ż-żgħażagħ ikunu protagonisti fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fakkret kif żgħażagħ Ewropej ukoll jixtiequ dan id-dritt: “Malta lilkom qed ittikom opportunità mhux bil-kliem, iżda bil-fatti. Kif għamilna fl-aħħar sitt snin irrid naraw li nkomplu nsostnu dawk l-opportunitajiet lil kull wieħed u waħda minnkom.”
Qalet li ż-żgħażagħ huma l-preżent u l-politika trid tkun hemm biex issaħħah it-talenti tagħhom waqt li tħejji għall-futur tagħhom.