L-Istitut għall-Edukazzjoni jniedi t-tielet prospectus annwali tiegħu minn meta ġie mwaqqaf fis-sena 2015. L-għan tal-Istitut huwa li jippromwovi edukazzjoni ta’ kwalità għolja u jrawwem komunitajiet ta’ tagħlim. L-Istitut jipprovdi modi varji ta’ żvilupp professjonali kontinwu li jtejjeb il-ħiliet u l-kompetenzi fl-edukaturi, kemm dawk eżistenti kif ukoll dawk prospettivi. Dan jolqot l-edukaturi fil-livelli kollha ta’ tmexxija u jnissel sens ta’ ekwità u ġustizzja soċjali.
Fost il-programmi offruti għas-sena skolastika li ġejja nsibu kwalifiċi f’livell ta’ Baċċelarat u Masters, kif ukoll korsijiet akkreditati qosra f’oqsma ġodda ta’ speċjalizzazzjoni, kif ukoll suġġetti vokazzjonali ġodda li qed jiġu, jew ser jibdew jiġu, mgħallma fl-iskejjel, fosthom l-Agribusiness, it-Engineering Technology, l-Ospitalità,u t-Tessuti u l-Moda bħala parti mill-istrateġija tal-Vjaġġ Tiegħi.
F’dan il-prospectus, li jinkludi lista ta’ programmi varji, l-Istitut qed joffri 21 programm ta’ kwalifika differenti li jinkludu tmien Bachelor u disgħa Master of Education f’oqsma varji, tlett Post Graduate Certificate, kif ukoll il-Master in Applied Educational Leadership (MQF 7) li ġie milqugħ tajjeb ħafna s-sena li għaddiet u huwa mfassal fuq l-iżvilupp ta’ individwi li jaspiraw li jieħdu rwol ta’ tmexxija fis-settur tal-edukazzjoni. Apparti dawn l-Istitut se jerġa’ joffri 64 kors qosra akkreditati u kif ukoll ħames korsijiet oħra akkreditati ftit itwal.
L-Istitut għall-Edukazzjoni qed jaddotta sistema diġitali u innovattiva fejn jippermetti lill-istudenti tiegħu jkollom aċċess għall-kontenut akkademiku fil-ħin tagħhom, kif ukoll jkollhom il-possibilita’ ta’ parteċipazzjoni f’fora online.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Istitut għall-Edukazzjoni Joanne Grima sostniet li b’dan it-tielet prospectus li qed jiġi mniedi fi ħdan l-Istitut għall-Edukazzjoni qed jidher l-impenn li hemm lejn l-iżvilupp professjonali tal-edukaturi. Il-mira hi li nikkontribwixxu bis-sħiħ u kontinwament għal esperjenza sabiħa u engaging ta’ tagħlim tat- tfal u dan ikun ċertament utli għalihom fil-futur meta jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Hija saħqet li permezz ta’ programmi varji u l-modi differenti kif qiegħdin jiġu mħarrġa l-edukaturi, l-Istitut qed jagħti opportunita’ lil min jaħdem u li fl-istess ħin għandu l-ambizzjoni li jsir edukatur biex ikompli jikber professjonalment u min hu mħajjar isir għalliem ikollu din l-opportunita’. B’għażla ta’ programmi varji wieħed jista’ jagħmel dan fuq bażi part-time u blended jiġifieri li parti mill-programm ikun online learning. Is-Sinjura Grima fissret li bit-teknoloġija tal-platform online qed tiżdied l-aċċessibilita’ u l-flessibilita’ li persuna tista’ tkompli tistudja u ttejjeb l-ħiliet.
Wara t-tnedija tal-prospectus 2019, l-Istitut għall-Edukazzjoni qed jorganizza Open Day il-Ġimgħa 10 ta’ Mejju bejn it-3 ta’ wara nofsinhar sat-8 ta’ filgħaxija fejn se jospita lil dawk kollha interessati biex japplikaw għall-korsijiet għal aktar gwida u informazzjoni dwar il-kriterji tal-eliġibilità, l-istruttura tal-programmi u l-metodi ta’ tagħlim.
L-applikazzjonijiet għal korsijiet li se jibdew f’Ottubru 2019 se jkunu miftuħa minn nhar it-Tnejn 13 ta’ Mejju. Għal aktar informazzjoni dwar il-prospectus 2019 wieħed għandu jżur https://bit.ly/301B3Zg