Ingħataw wiċċ ġdid it-toroq mix-Xatt tal-Gżira sal-Balluta b’investiment ta’ €830,000. Dawn ix-xogholijiet li saru mill-Aġenzija Infrastruttura Malta involvew xogħol ta’ tarmak fuq mhedda ta’ ħames kilometri.
Dan qalu l-Ministru tat-Trasport u Proġetti Kapitali Ian Borg fejn spjega kif ix-xogħolijiet saru wara talba li saret mill-Kunsill Lokali ta’ tas-Sliema u li dawn saru fi ftit jiem matul il-lejl. Il-Ministru Borg semma kif b’dawn ix-xogħolijiet dawn it-toroq tant traffikużi b’mod partikolari waqt ix-xhur tas-sajf ser ikunu qegħdin inaqsu l-perikli għal kull min jużahom dan hekk kif it-toroq ġarrbu diversi ħsarat tul is-snin.
Il-Ministru Borg semma kif fil-futur qrib ser ikunu qegħdin isiru xogħolijiet infrastrutturali f’toroq bħal Triq it-Torri, Triq il-Kbira, Triq Manuel Dimech kif ukoll fi Triq Arturo Mercieca.
Ix-xogħolijiet li saru f’dawn it-toroq inkluż il-290 triq bħala parti mill-proġett ta’ seba’ mitt miljun ewro li minnu diġà kważi għaddiet l-ewwel sena huma xhieda kif is-surplus li qed jagħmel dan il-Gvern minnu qiegħed igawdi kulħadd – il-familji, n-negozji u t-turisti li jżuru pajjiżna.