F’Jum l-Ewropa il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli laqgħet grupp ta’ studenti tal-istudji Ewropej.
Hija ħeġġithom sabiex jimirħu u jaħtfu l-opportunitajiet u jimmassimizzaw il-potenzjal ta’ karriera fl-istituzzjonijiet Ewropej.
Dr Dalli spjegat kif Malta għandha nuqqas ta’ rappreżentanza fl-istituzzjonijiet Ewropej u għaldaqstant jeħtieġ li ż-żgħażagħ Maltin ikunu ambizzjużi fl-aspirazzjonijiet tagħhom.
“Dak m’huwiex biżżejjed biex aħna verament inkunu fl-Ewropa, biex inkunu fil-qalba tal-Ewropa. Allura għamilna dan id-djalogu mal-istudenti tagħna ħalli nurhom x’possibiltajiet hemm, x’opportunitajiet hemm,” saħqet il-Ministru.
Il-Ministru żiedet li l-opportunitajiet qegħdin hemm għal karriera ta’ suċċess fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u allura l-istudenti għandhom iħarsu lil’hinn minn Dar Malta.
Dan biex ikunu protagonisti fit-tixrid tal-ideat għal Ewropa aħjar u ċentrali fl-implimentazzjoni tagħhom fuq livell Ewropew.
F’dan l-isfond iż-żgħażagħ ingħataw preżentazzjoni dwar il-karrieri u l-opportunitajiet fl-Unjoni Ewropea u ngħataw iċ-ċans li jisimgħu minn uffiċjali Maltin li ħadmu fi Brussell waqt li jaqtgħu l-kurżitajiet b’mistoqsijiet dwar is-suġġett.
Ma’ one.com.mt Michela Fenech, studenta tal-istudji Ewropej, fissret l-ambizzjoni tagħha li sservi lil pajjiżna fil-Parlament Ewropew.
“Nemmen li hija l-vuċi tan-nies għax in-nies huma dawk li jġibuk f’dik il-pożizzjoni u nemmen li b’dak il-mod tkun qed taħdem man-nies li jistgħu jġibu l-bidla,” spjegat is-Sinjorina Fenech.
L-attività intemmet b’diskussjoni dwar is-soluzzjonijiet għal Ewropa li tilħaq l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini tagħha, dwar l-isfida ta’ Brexit u d-direzzjoni politika li tista’ tiehu l-UE wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.