Gvern innovattiv għal iktar progress – One News

Notifiki

Gvern innovattiv għal iktar progress

F’attivitá oħra taħt it-tinda bħala parti mill-kampanja elettorali għall-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju, il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar l-importanza tal-innovazzjoni f’pajjiżna.

Spjega kif grazzi għal dan il-moviment innovattiv, illum ħafna kumpaniji barranin qed jagħżlu lil pajjiżna sabiex ikabbru l-operat tagħhom u b’hekk qed iżidu x-xogħolijiet ta’ kwalitá għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Madankollu l-Prim Ministru saħaq li sabiex dan il-progress jibqa’ wieħed kontinwu hemm bżonn l-għaqda.

Għaqda li naqset minn naħa tal-Partit Nazzjonalista hekk kif permezz tal-esponenti tiegħu fil-Parlament Ewropew għażel li jħammeġ isem pajjiżna għal skopijiet partiġġjani.

Skopijiet li l-Prim Ministru qal li huma bsaten fir-roti għal karrieri ta’ ħafna ħaddiema Maltin u Għawdxin.

“Qed jagħmlu l-bsaten fir-roti lil uliedkhom. Lil min qed jaħdem f’lukanda. Lil min għandu job ma’ kumpanija tal-‘accountancy.’ Lil min qed jaħdem f’fabbrika. Lil min qed jiftaħ kumpanija bbażata fuq il-blockchain. Lil dawn il-persuni qed jitfawlhom il-bsaten fir-roti għax imorru biex jitkellmu mingħalihom kontra l-Gvern u Joseph Muscat u jispiċċaw jimminaw lill-pajjiż.”

Filfatt il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar billboard qarrieqi mill-Partit Nazzjonalista dwar l-abort.

Saħaq li Gvern Laburista minn dejjem kien u jibqa’ favur il-ħajja filwaqt li spjega kif dan it-tentattiv mill-Oppożizzjoni juri kemm il-Partit Nazzjonalista huwa xott minn argumenti u ideat posittivi li jgħinu jtejjbu l-pajjiż.

“Dan il-Gvern għandu idejh fuq il-polz tan-nies u nafu x’inhuma l-problemi u aħna biss nistgħu nsolvu l-problemi. Ħaddieħor moħħu biss li joħloq fantasiji minn ta’ rasu.”

Il-Prim Ministru temm id-diskors tiegħu billi enfasiżża l-importanza tal-elezzjonijiet li ġejjin kemm fuq livell lokali u kemm fuq livell Ewropew.

Huwa saħaq li għal darb’oħra l-poplu għandu ċ-ċans jagħżel bejn moviment innovattiv u maqgħud li jaħdem favur in-nies u Partit Nazzjonalista nieqes minn ideat li jgħinu l-pajjiżna jagħmel progress.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend