Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri żar Ta’ Mena, ix-Xewkija Għawdex fejn ħabbar li għall-ewwel darba dan il-produttur Għawdxi se jkun qiegħed jesporta lejn il-Ġappun 9,000 flixkun inbid DOK Gozo.
Is-Segretarju Parlamentari Camilleri qal li l-prodott Malti u Għawdxi għandu elementi u karatteristici li jidistingwuh minn prodotti oħra, anka minn dawk li jinbiegħu fis-swieq Ewropej. Hawnhekk fakkar fiż-żjara li għamel il-Ġappun ftit tax-xhur ilu fejn l-għan tagħha kien li jiġu stabbiliti kuntatti bilaterali abbażi ta’ negozju u tiġi identifikata l-possibbiltà ta’ kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi.
Is-Segretarju Paramentari fakkar li saret ħidma kbira biex il-kampanja Wines of Distinction tingħata identità, xogħol li sar flimkien mal-produtturi tal-inbejjed DOK Malta, DOK Gozo u IGT Maltese Islands, u sostna li llum din il-kampanja kienet suċċess fl-għan tagħha li tinforma lill-konsumatur Malti fuq xi tfisser it-tikketta DOK u IGT fuq il-flixkun tal-inbid.
Huwa qal li jħossu kburi li Malta u Għawdex nipproduċu inbejjed ta’ kwalità għolja u distinta li ġew rikonoxxutti mill-Unjoni Ewropea u fuq kollox protetti bl-istess mod li huma protetti inbejjed tal-ogħla kalibru fl-Ewropa kollha. Għalhekk ħeġġeġ sabiex aktar produtturi jagħmlu dan il-pass u jesploraw swieq ġodda bara minn xtutna.
Min-naħa tiegħu l-produttur Joe Spiteri spjega li huma jkabbru d-dwieli sabiex jipproduċu inbejjed tajbin b’karatteristika Għawdxija partikulari, filwaqt li esprima li jħossu kburi li ħafna mill-varjetajiet tagħhom huma ċċertifikati bħala DOK Gozo li hija l-ogħla ċertifikazzjoni għall-inbejjed lokali.
Ritratt: MESDC_PS