Appell għal iżjed infermiera | One News

Notifiki

Appell għal iżjed infermiera

Fl-2013 kellna 2,900 infermiera. Illum għandna kważi 3,600; żieda ta’ 700. Però, biż-żieda fis-servizzi, żieda fil-popolazzjoni, u popolazzjoni li qed tixjieħ, jibqa’ l-bżonn ta’ iżjed infermiera.

Qal dan il-Ministru għas-Saħħa u Deputat Prim Ministru Chris Fearne f’konferenza tal-aħbarijiet mat-tmexxija tal-MUMN – il-Unjin Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel.

Il-Ministru Fearne spjega li fil-fatt pajjiżna bħalissa għad hemm bżonn ta’ 250 infermiera oħra, u fit-tliet snin li ġejjin se jkun hemm bżonn ta’ madwar 150 oħra. Żieda ta’ 400 infermier fi tliet snin.

Huwa spjega kif is-sistema tas-saħħa ta’ Malta ġiet klassifikata fost l-aqwa fid-dinja, u dan grazzi għall-professjonisti fil-qasam.

Professjonisti bħal infermiera u qwiebel li jistgħu javvanzaw fil-karrieri tagħhom u għandhom benefiċċji finanzjarji li qabel ma kellhomx.

Innota li filwaqt li taħt Gvern Nazzjonalista kien hemm in-‘numerus clausus’ – numru limitat ta’ kemm setgħu jidħlu infermiera għall-kors tal-infermiera, illum jiggradwaw sa mitejn infermier fis-sena mill-Università, u hemm mas-sittin student fil-kors tal-Università ta’ Northumbria mal-MCAST.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-MUMN, Paul Pace innota kif is-settur tas-saħħa madwar id-dinja għandu bosta sfidi, u appella għal iżjed żgħażagħ Maltin biex jidħlu għall-professjoni ta’ infermiera, li sejjaħ bħala s-sinsla tas-sistema tas-saħħa.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend