Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia għal diversi drabi ddikjara li fl-elezzjoni tal-25 ta’ Mejju l-elettorat m’għandux jagħzel bejnu u bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat.
Iżda sa ftit tax-xhur ilu, Pierre Portelli, id-direttur tal-midja tal-Partit Nazzjonalista u l-id il-leminja ta’ Delia, kien jaħsibha mod ieħor.
Fil-programm Xtra tat-tlieta ta’ Jannar li għadda li ddiskuta l-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju, Portelli qal li l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia u l-Prim Ministru Joseph Muscat se jkollhom impatt fuq l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-kunsilli lokali.
Dakinhar kien qal li “żgur li ħa jagħmel impatt, il-Kap tal-Partit se jkollhom impatt ħa jidhru kuljum.”
Portelli wieħed mill-istrateġsti tal-Partit Nazzjonalista kien qal li l-kampanja tal-Partit Nazzjonalista kienet se tkun ibbazata fuq Adrian Delia u fuq l-preżenza tiegħu kuljum fil-kampanja.
Iżda f’erba xhur l-Partit Nazzjonalista kellu jbiddel il-kampanja tiegħu, minħabba l-allegazzjonijiet li komplew joħorġu ta’ ħasil ta’ flus fil-konfront ta’ Delia.
Adrian Delia kompla jaffaċċja allegazzjonijiet li daħħal flus f’kont bankarju f’Jersey ġejjien mill-prostituzzjoni.
Fl-istess waqt baqa’ jirrifjuta li jitlob inkjesta maġisterjali sabiex inaddaf ismu minn dawn l-allegazzjonijiet.
Quddiem dawn l-allegazzjonijiet gravi, il-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil tibqa’ temmen li Delia mhuwiex kredibbli li jkun Kap tal-Partit.
Tul il-kampanja Adrian Delia evita għalkollox il-ġurnalisti, minħabba li huwa skomdu jwieġeb il-mistoqsijiet. Fil-fatt Delia qiegħed jidher biss quddiem il-partitarji Nazzjonalisti.
Bl-iskuża tkun li din mhux kampanja dwaru u dwar Joseph Muscat. Filfatt kien qal “Joe Muscat jaħseb li din hi elezzjoni bejni u bejnu. Din mhix elezzjoni bejn leader u leader.”
Iżda kif stqarr l-id il-leminja tiegħu, Pierre Portelli, fil-ħamsa u għoxrin ta’ mejju l-elettorat se jagħzel bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u bejn il-Kap Nazzjonalista Adrian.