Inawgurata sala ġdida tal-Ortopedija fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex | One News

Notifiki

Inawgurata sala ġdida tal-Ortopedija fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex

B’investiment ta’ €185,000 ġiet inawgurata sala ġdida tal-Ortopedija fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Din is-sala se jkun fiha għaxar sodod ġodda u b’hekk tkun qed titkabbar il-kapaċità tal-isptar fl-istess waqt li jkun qed jinħoloq aktar spazju fis-sala akuta.

Is-sala l-ġdida se tilqa’ fiha pazjenti li jkunu sarulhom operazzjonijiet għal bdil tal-ġenbejn kif ukoll bdil tal-irkoppa fost operazzjonijiet oħrajn.

B’riżultat ta’ dan l-investiment kapitali l-Isptar Ġenerali t’Għawdex żied in-numru ta’ infermieri u carers tiegħu b’14. Dan kien ifisser ukoll programm ta’ taħriġ b’kollaborazzjoni mal-Isptar Mater Dei biex ikun assigurat li jinżammu l-istess livelli għoljin ta’ kura u protokalli bħal dawk f’Malta.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, qal li l-inawgurazzjoni tal-lum hija pass ieħor fit-twettiq ta’ wegħda elettorali li saret lill-Għawdxin li filwaqt li s-servizz tas-saħħa f’Għawdex, bħal dak f’Malta, jibqa’ b’xejn, ikun qed jitwettaq il-proġett tal-investiment fl-isptar t’Għawdex, sptar ġdid state of the art biex ikun l-akbar sptar li qatt kellu Għawdex u joffri l-aqwa servizz tas-saħħa b’xejn lill-Għawdxin.

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li l-viżjoni tal-Gvern fis-settur tas-saħħa f’Għawdex hija waħda ħolistika u biex dan ikun tal-ogħla livell, jirrikjedi mhux biss viżjoni u impenn, imma wkoll investiment. Qalet li l-fatt li din is-sala se tkun qed tispeċjalizza f’settur partikolari, huwa l-mod kif trid l-Isptar Ġenerali t’Għawdex jiżvolġi biex jindirizza l-bżonnijiet li jkun hemm f’Għawdex.

Id-Direttur Eżekuttiv tal-Isptar Joseph Fenech qal li l-pazjenti issa se jkunu segregati adegwatament u ladarba se jkunu jiffurmaw parti minn numru żgħir allura jkun aktar faċli u possibbli li tiżdied l-attenzjoni individwalizzata. Min-naħa l-oħra li staff tal-Isptar se jkunu wkoll jistgħu jagħtu kura aktar speċjalizzata u dedikata.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend