Kemm hu importanti li nagħtu valur lilna nfusna u nfittxu l-għajnuna meta nkunu neħtiġuha.
Dan il-qofol ta’ sessjoni mill-programm TFAL 5 fl-iskola Santa Monica f’Birkirkara.
Din is-sessjoni, organizzata mill-FSWS – il-Fondazzjoni għas-servizzi ta’ Ħarsien Soċjali għal tfal tal-ħames sena primarja, saret f’forma ta’ logħba fejn it-tfal kellhom jieħdu deċiżjoni f’għadd ta’ sitwazzjonijiet: x’nagħmlu meta nħossuna bla valur? Kif għandna nħarsu lejn id-differenzi tagħna? Għala għandu jkolli self-esteem għoli? X’għandi nagħmel meta jkolli problema?
Il-Ministru Michael Falzon u s-Segretarji Parlamentari Julia Farrugia u Clifton Grima, li attendew għal din is-sessjoni, spjegaw kif l-għan aħħari ta’ dan il-proġett hu li din il-ġenerazzjoni tagħraf li kull wieħed u waħda minna huwa uniku u għandna nħossuna komdi b’dak li aħna minkejja d-differenzi.
B’hekk meta f’ħajjitna niġu affaċċjati b’sitwazzjonijiet diffiċli, bħal mumenti ibsin, jew tentazzjonijiet għal vizzji bħad-droga, inkunu kapaċi nħobbu lilna nfusna, u jekk ikun meħtieġ, nitolbu għall-għajnuna.