Ilbieraħ, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg indirizza l-konferenza mtella’ mill-Malta Aviation Outlook, fejn tkellem dwar hekk kif inqas minn ġimgħatejn ilu kien hu stess li ħabbar miri ġodda għas-settur tal-avjazzjoni u illum bi pjaċir seta’ iħabbar li fi ftit ġimgħat, id-Direttorat tal-Avjazzjoni fi ħdan Transport Malta ser ikun qed joħroġ ċertifikat lil operatur ieħor tal-ajru li għażel li jiġi jopera f’pajjiżna. Dan l-istess operatur ser ikun qed jirreġistra wkoll aktar minn 20 ajruplan f’pajjiżna fuq medda ta’ sentejn.
Il-Ministru Borg fakkar dwar l-importanza ta’ dan is-settur għall-ekonomija Maltija fejn qiegħed jikkontribwixxi għal 2.5% tal-Prodott Gross Domestiku tal-pajjiż, filwaqt li joħloq aktar minn 3,200 impjieg. Il-Ministru tkellem ukoll dwar l-importanza tal-konnettività u qal li pajjiżna riċentement laħaq numru ta’ ftehimiet mal-Ġappun, mal-Korea t’Isfel, mal-Ghana u mal-Ivory Coast u li qed ifittex li jintlaħqu ftehimiet ma’ numru ta’ pajjiżi fl-Amerika t’Isfel, fosthom il-Brażil.
“Dawn is-suċċessi stajna biss noħolmu dwarhom sa ftit snin ilu u ma ksibnihomx minn lejl għal nhar. Il-kisbiet li għamilna f’dan is-settur ġew bis-saħħa ta’ determinazzjoni, konsistenza, proattività u pjan fit-tul. Jeħtieġ li nkomplu naqdfu għal aktar u aktar tkabbir u kisbiet filwaqt li niżguraw li jkollna nies imħarrġa biex jaħdmu f’dan is-settur importanti. L-impenn tal-Gvern jibqa’ dejjem li jara titjib fl-ekonomija u titjib f’kull settur, favur kwalità tal-ħajja aħjar għan-nies u aktar suċċessi għan-negozji tagħna u għal pajjiżna,” għalaq il-Ministru Ian Borg.