Il-kandidata Laburista Lorna Vassallo indirizzat folla numeruża f’Ħal Għaxaq fejn ikkundannat l-aġir tal-Membri Parlamentari Ewropej tal-Oppożizzjoni li minn post komdu ġewwa Brussell u mingħajr ma jaffaċċjaw il-konsegwenzi ta’ kliemhom, qegħdin joħolqu uġigħ ta’ qalb kbira lill-Maltin li jaħdmu fis-settur tat-turiżmu, fosthom il-gwidi, li huma l-ewwel nies li jiltaqgħu mal-barranin f’pajjiżna.
Lorna Vassallo qalet li hemm bosta pajjiżi li għandhom skandli finanzjarji, dejn pubbliku fenomenali, skandli ta’ kwoti tas-sajd, ta’ tbagħbis tal-miters tal-karozzi jew ħarġu l-pulizija jsawtu lill-poplu. Imma ma ngħajruhomx.
Sostniet li b’kuntrast f’Malta l-viżjoni tal-oppożizzjoni Maltija mhix ħlief fissazzjoni li tagħmel ħsara lill-istess pajjiżna u li ġġib lil xi kummissjoni jew delegazzjoni barranija biex tagħmlilha xogħolha. Dan anke billi tigdeb u tmur lil hinn mill-fatt.
B’kuntrast il-gvern għandu viżjoni mhux biss lokali imma internazzjonali. Malta hija l-uniku gvern stabbli u ekonomija li qed tirrendi fir-reġjun tal-Mediterran. Il-Greċja, l-Italja, Franza u Spanja kollha għandhom problemi ta’ qgħad, finanzjarji u ta’ stabbilità politika. Fil-Libja għaddejja traġedja umana u l-Alġerija għaddejja minn żmenijiet turbulenti. U l-Afrika għadha tipproduċi l-immigranti. Il-Gvern Malti aħjar jiddedika ħinu jindirizza dawn il-kriżijiet globali minflok it-tinbix lokali tal-opożizzjoni.
Il-Gvern Malti huwa s-soluzzjoni ta’ problema reġjonali u internazzjonali. Mhux biss il-Maltin għandhom bżonn il-prosperità tal-pajjiż, iżda r-reġjun kollu tal-Mediterran. Gvern Malti jista’ jwassal għal rebħiet storiċi mhux biss lokali, imma wkoll Mediterranji, Ewropej u internazzjonali.