Għal darb’oħra kellna konferma li Malta hija l-aqwa pajjiż fl-Ewropa. U dan x’qed jgħidu l-esperti indipendenti tal-Unjoni Ewropea, li mhumiex mogħmija minn partiġġjaniżmu. Meta raw l-affarijiet kif inhuma, iddeċidew li l-iktar pajjiż li ser imur tajjeb ekonomikament huwa Malta. Dan qalu l-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat meta kien qed jindirizza attivita politika f’San Ġwann.
Il-Prim Ministru sostna li dan il-pajjiż ċkejken bil-bżulija ta’ kull mara u raġel, irnexxielu li joħloq il-ġid u l-ebda pajjiż tal-Ewropa ma jgħaddina. Il-Kummisjoni Ewropea tipprevedi li Malta ser tkompli toħloq aktar xogħol, ser tikber l-ekonomija, ser ikomplu jissaħħu l-pagi u n-nies ser ilaħqu mal-ħajja aktar minn pajjiżi oħra Ewropej. Sostna li biex nipproteġġu dak li għandna u nkomplu inkabruh, huwa importanti li fil-Parlament Ewropew ikollna nies li verament għandhom lill Malta f’qalbhom.
Dr Muscat qal li ma nistgħux noħduha for granted li tikber l-ekonomija. Sostna li l-ikbar nuqqas li kellhu l-Gvern preċedenti kien li ma jieħux deċiżjonijiet u jistenna li l-affarijiet jissolvew waħedhom. Dan kollhu kien qed iwassal sabiex l-investituri jitilfu l-fiduċja f’pajjiżna u l-ġid ma jinħoloqx. Kienu qed ibagħtu mhux min kien ħa €500 żieda fil-ġimgħa, imma soffrew minnha n-nies bħal ġenituri li ma ħadux childrens allowance, l-ħaddiema bil-minimum wage, il-pensjonanti. Saħaq li għaliex aħna soċjalisti demokratiċi, progressivi u moviment li jħares ‘l quddiem mhux kuntenti li sempliċiment jiżdied il-ġid u x-xogħol, iżda dak il-ġid irridu li nwassluh għand kulħadd, speċjalment lill min l-iktar għandu bżonn. “Aħna lin-nies irridu nagħmluhom sinjuri żgħar,” saħaq il-Prim Ministru.
Dwar il-kritika tal-Partit Nazzjonalista fuq il-Programmi Elettorali għal kull lokalita, Dr Muscat sostna li l-Oppożizzjoni tista’ tikteb ktieb sħiħ proposti għax jekk ma twettaqhomx għalxejn tiktibhom. Sostna li flok kitbu proposti li qatt ma jwettqu, aħjar ħarġu kandidati biżżejjed sabiex in-nies ikunu jistgħu jiġġudikaw. Sostna li l-Partit Laburista għandhu programm ċar ħafna li permezz tiegħu l-lokalitajiet ser intuhom direzzjoni ċara.