Iffirmat ftehim ġdid għall-klassi tal-agrikoltura fis-Servizz Pubbliku | One News

Notifiki

Iffirmat ftehim ġdid għall-klassi tal-agrikoltura fis-Servizz Pubbliku

Il-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima u l-Union Ħaddiema Magħqudin – Voice of the Workers iffirmaw ftehim ġdid li jirrigwardja s-settur settorjali tal-agrikoltura fis-Servizz Pubbliku. Bil-ftehim il-ġdid l-uffiċjali pubbliċi li qegħdin f’din il-klassi se jgawdu minn titjib fil-benefiċċji kif ukoll minn opportunitajiet ġodda ta’ avvanz fil-karriera. Il-ftehim jinkludi wkoll provvediment sabiex l-uffiċjali tal-agrikoltura jkomplu jtejbu l-ħiliet professjonali tagħhom.

L-impjegati fil-klassi tal-agrikoltura jaqdu dmirjiethom fid-diversi dipartimenti tal-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima, fosthom fid-Dipartiment għall-Iżvilupp Rurali, fejn wħud minn dawn l-uffiċjali jagħmlu xogħol regolatorju relatat mal-biedja, filwaqt li oħrajn jagħtu pariri lill-bdiewa dwar kif jistgħu jtejbu l-prodott, il-produzzjoni u l-operat tagħhom. Dipartimenti oħra fejn dawn l-uffiċjali jaqdu dmirjiethom jinkludu l-Aġenzija tal-Pagamenti Agrikoli u Rurali, id-Dipartiment għar-Regolazzjoni Veterinarja u Saħħa tal-Pjanti u Ambjent Malta, fejn il-klassi agrikola hija involuta wkoll fit-tnissil ta’ siġar u arbuxelli inidiġeni.

F’kelmtejn qosra li għamel, is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri rringrazzja li dawk kollha li taw sehemhom sabiex seta’ jintlaħaq dan il-ftehim. Huwa rringrazzja wkoll lill-ħaddiema nfushom u, filwaqt li enfasizza l-importanza tal-klassi agrikola, ħeġġeġ sabiex l-impjegati jkomplu jtejbu l-ħiliet tagħhom; dan sabiex bil-ħidma li jwettqu jkomplu jkunu ta’ sostenn għall-biedja lokali.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend