Ġie inawgurat iċ-ċentru tekniku tat-taxxi magħruf Taxpayer Servizz.gov.
Dan it-tielet centru speċjalizzat ta’ servizz.gov huwa ħolqa oħra ta’ servizzi fejn ic-cittadin li jħallas it-taxxi, issa se jkun jista’ jinqeda b’mod aktar effiċjenti taħt saqaf wieħed.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar fisser kif min iħallas it-taxxa ser ikun jista’ jinqeda b’mod aktar komdu, konvenjenti u efficjenti u elenka kif fl-2018 aktar minn 38,000 ruħ rrikorrew għand id-dipartiment tat-taxxa. Huwa żied jgħid li kien hemm aktar minn 130,000 telefonata fuq in-numru 153 b’rabta mat-taxxa.
Permezz ta’ dan iċ-ċentru li ser jibda jopera minn Lulju li ġej, tneħħa l-kuncett ta’ żewġ dipartimenti kif kienu qabel jiġifieri dak tal-VAT u tat-taxxa, li issa ġew f’uffiċċju wieħed.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni żied jgħid li fil-viżjoni ta’ servizz.gov hemm ukoll l-intelliġenza artifiċjali u kif din tista’ tintuża fis-servizz pubbliku.
“Dan huwa s-servizz pubbliku li rridu, dan huwa s-servizz pubbliku li noħolmu bih, dan huwa s-servizz pubbliku li nistennew li jagħti servizz ferm akbar minn dak li qed jagħti, imbarkajna fuq viżjoni li s-servizzi pubbliċi jkunu aċċessibbli minn kullħadd kullimkien is-sena kollha,” qal is-Sur Cutajar.
Min-naħa tiegħu, l-ministru għall-finanzi, Edward Scicluna qal li l-ftuħ ta’ ċentri bħal dawn jgħin bil-kbir fit-tnaqqis tal-burokrazija.
Qal li eżempju ċar ta’ dan huwa l-fatt li minħabba li ta’ kuljum numru sostanzjali ta’ persuni jirrikorru għal dan id-dipartiment, qed jiġi introdott kunċett ġdid li l-uffiċjal tat-taxxa jmur fil-qalba tal-komunita’ fiċ-ċentri reġjonali ta’ servizz.gov.
Permezz ta’ din l-inizjattiva, b’appuntament, wieħed ser ikun qiegħed jiltaqa’ mal-uffiċjal imħarreġ f’dan il-qasam fejn ser ikun qed jirċievi servizz mingħajr il-ħtieġa ta’ skariġġ li joqgħod imur il-Furjana biex jinqeda.