Il-Qorti tal-Appell ikkonfemat sentenza kontra d-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina u kkonferma li l-Prim Ministru Joseph Muscat ma għamel l-ebda dikjarazzjonijet foloz u malafamanti fil-konfront ta’ Bezzina.
Bezzina fetaħ libell wara li ħassu mmalafamat b’diskors tal-Prim Ministru dwar l-iskandlu tax-xogħlijiet privati li saru fil-każin tal-Partit Nazzjonalsita taż-Żurrieq minn tliet ħaddiema tal-Gvern waqt il-ħin tax-xogħol tagħhom. Fil-qorti kien ħareġ li Bezzina kien ġiegħel impjegati tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet jagħmlu dikjarazzjoni falza dwar xogħol li għamlu fil-każin Nazzjonalista taż-Żurrieq.
L-imħallef Anthony Ellul qal li l-azzjoni ta’ malafama ma tistax tirnexxi meta l-fatti allegati jkunu veri.
Il-Qorti tal-Appell ikkonkludiet li mill-fatti ppreżentati, il-Perit Bezzina ma kellux raġun jilmenta meta l-Prim Ministru stqarr Bezzina ġiegħel lil ħaddiema tal-Gvern jiffirmaw dikjarazzjoni falza biex jiċħdu s-sewwa magħruf.
Il-Qorti żiedet tgħid li l-Prim Ministru kellu kull jedd li jikkiritika atteġġjament ta’ Bezzina f’din il-kwistjoni li “żgur kienet politikament imbarrazzanti għal Bezzina”. Qalet li dan kien każ ta’ interess pubbliku meta tqies li Bezzina kien uffiċjal pubbliku u involut fil-politika.
Il-Qorti tal-Appell żiedet tgħid li wara li l-gazzetta Kullħadd ippubblikat l-aħbar dwar ix-xogħol li sar fil-każin tal-PN taż-Żurrieq, Bezzina nqabad f’paniku u pprova jillimita l-ħsara.
Fil-fatt innota li Bezzina talab lill-ħaddiema jiffirmaw dikjarazzjoni li kiteb u li ma kinitx tirrifletti l-verità kollha. Żied li bħallikieku dak ma kienx biżżejjed, spiċċa ħadhom għand nutar ta’ fiduċja tiegħu biex jiffirmaw dikjarazzjoni oħra u jikkonfermawha bil-ġurament.
Il-Qorti sostniet li dan mhux il-mod kif isiru l-affarijiet u l-ħaddiema kellhom jitħallew liberi li jagħmlu dikjarazzjoni huma. Sostna li l-ħaddiema ffirmaw u kkonfermaw id-dikjarazzjoni bil-ġurament kontra qalbhom. Qalet li Bezzina għandu jagħraf li żbalja u inqas jagħmilha tal-vittma jkun aħjar.
Il-qorti qalet li l-konfużjoni kompliet toħroġ meta Bezzina wasal biex qal fil-qorti li l-ħaddiema kellhom jitħallsu għax-xogħol, iżda fid-dikjarazzjoni ġuramentata nkiteb li xogħol għamluh “mingħajr ħlas”.
Fid-dawl ta’ dan il-qorti ċaħdet l-appell ta’ Bezzina bl-ispejjeż kontrih.