Huwa biss il-Partit Laburista li qed jieħu lil Għawdex bis-serjetà, wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia reġa darlu dwar il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex.
Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista, li kienet indirizzata mill-Ministri Justyne Caruana u Ian Borg, u l-kandidat għall-Parlament Ewropew Felix Galea Busuttil.
Il-Ministru Caruana saqħet li l-Għawdxin jafu x’inhuma l-konsegwenzi pożittivi li se jġib fuq il-kwalita ta’ ħajjithom. Qalet li dan huwa Gvern li l-ħtiġijiet tal-Għawdxin dejjem kienu fil-qalb tal-politika tiegħu.
Għal kuntrarju tal-Partit Nazzjonalista, il-Partit Laburista dejjem kien konsistenti dwar dan il-proġett u għalhekk tressqet mozzjoni fil-Parlament sabiex b’mod unanimu jkun hemm l-appoġġ u l-impenn ta’ kulħadd.
“Qed jmur kontra eżerċizzju demokratiku fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, fejn qbilna l-membri parlamentari kollha b’mod unanimu, mentri issa qed ngħixu din l-inkonsistenza. Għawdex u l-Għawdxin jridu ċ-ċertezza u jridu dan il-proġett jitwettaq,” qalet il-Ministru Caruana.
Il-Ministru Ian Borg qal li l-proġett tal-mina, li se jkun l-ikbar proġett infrastrutturali, sar kwistjoni ta’ kreddibilta. Wara l-u turn ta’ Delia, il-Ministru Borg saħaq li lill-Partit Nazzjonalista ma tista xtieħdu bis-serjeta fuq dak kollu li tittieħed deċiżjoni.
Huwa qal li marru l-Parlament għax il-proġett jorbot iktar minn leġiżlatura waħda, filwaqt li spjega li ħaddieħor wiegħed dan il-proġett darbtejn, ivvota favur u ftit wara biddel fehmtu.
“Dan il-proġett ser jsir. Pero n-nuqqas ta’ kredibilità tal-Kap tal-Oppożizzjoni tispikka f’ċirkustanzi bħal dawn. L-unika partit li l-Għawdxin jistgħu jieħdu bis-serjetà huwa l-Partit Laburista,” saħaq il-Ministru Borg.
Il-Kandidat għall-Parlament Ewropew Felix Galea Busuttil, li huwa Għawdxi, saħaq li l-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer hija ta’ importanza kbira.
Li nibzgħu mill-babaw li nħallu lil Għawdex ġo bozza meta rridu dal-progress serju. Nafu li dal-gvern ħa jagħmel studju serju, studju ekoloġiku, studju demografiku, studju ambjentali biex il-mina tkun kif jgħid Newton for every action there’s an equal and positive reaction. Jiġifieri li importanti ħafna li l-impatt ikun tajjeb, ikun sinċier,” sostna Galea Busuttil.
Huwa tenna li dan il-proġett huwa bżonn u ser jsir għax dan huwa Gvern li bill-fatti dak li jwiegħed jwettqu.