Sentejn wara li ġiet uffiċjalment inawgurata l-kumpanija Nibe, tħabbar pjan biex jiġu investiti kważi miljun ewro oħra, sabiex tkabbar l-operat tagħha b’iktar min-nofs.
Nibe tissupplixxi bejn wieħed u ieħor terz tas-suq tal-ilma għax-xorb f’pajjiżna.
Id-direttur maniġerjali tal-kumpanija Nibe, Pierre Farrugia fisser ma’ ONE News l-importanza tal-fondi ewropej biex jinvestu dejjem aktar:
“Huma ħafna importanti speċjalment għal kumpanija żgħira bħal tagħna għax tgħinna fil-cash flow u investiment speċjalment fejn jidħol makkinarju ġdid ikun kważi kważi impossibli għal kumpanija żgħira bħal tagħna u hekk nkunu nistgħu nagħmluh ħafna aktar qabel flok noqgħodu nistennew,” qal is-Sur Farrugia.
Waqt żjara lill-kumpanija, il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi ż-żgħar, Chris Cardona qal li Nibe hija eżempju ta’ kumpanija sostennibli – bid-dawl kollu li jiġġenneraw huwa minn sorsi naturali – u tuża mudell ta’ zero waste. Hekk kif dak li tipproduċċi, l-bottijiet innifishom; tiġborhom, taħsilhom u terġa’ tużahom. Dan fl-istess waqt li għandha makkinarju wkoll biex tfarrak plastik li ma tistax tuża iktar.
Min-naħa tiegħu, s-Segretarju Parlamentari, Aaron Farrugia fisser kif Nibe hija eżempju ċar ta’ kif għandha tkun l-industrija tal-futur jiġifieri li tipproduċi mhux biss prodotti għal Malta iżda wkoll jaħsbu biex jesportaw prodotti, saħansitra ‘l barra mill-Unjoni Ewropea.
“Xtraw magna ġdida li tammonta għal fuq minn €600,000, minnha tajniha ‘l fuq minn €200,000 ta’ fondi ewropej biex b’hekk issa se jżidu aktar il-ħaddiema li jaħdmu magħhom, ikabbru l-market share tagħhom u bdew iħarsu lejn swieq oħra barra minn Malta, bdew iħarsu lejn l-Afrika ta’ Fuq, fejn jibdew jesportaw ilma f’ċilindri tal-ħames litri u tal-għaxar litri,” saħaq Dr Farrugia.
Barra minn hekk, din il-kumpanija bbenefikat ukoll minn cash grants biex jagħtu taħriġ lill-ħaddiema tagħha li jammontaw għal ħamsin ruħ minn għaxar pajjiżi differenti.