Il-Prim Ministru Ingliż Theresa May appellat lil Kap tal-Opożizzjoni Jeremy Corbyn sabiex ineħħu d-diferenzi ta’ bejniethom u jaqblu dwar ftehim għal Brexit.
Ir-Renju Unit kellu joħroġ mill-Unjoni Ewropea fid-29 ta’ Marzu, madankollu din id-data ġiet estiża sal-31 t’Ottubru. Dan wara li għal tliet darbiet il-maġġoranza tal-membri parlamentawi ma qablux dwar il-ftehim li laħqet Theresa May.
Il-Prim Ministru May issa qed tara li tikseb l-appoġġ tal-Partit Laburista sabiex jilħqu ftehim fil-Parlament. Qalet ukoll li l-Membri Parlamentari għandhom jikkunsidraw il-votazzjoni fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali tal-Ħamis li għadda, fejn il-Konservattivi tilfu elf tliet mija u erba’ u tletin kunsillier, filwaqt lill-Partit Laburista tilef 82 siġġu.