Sitt xhur ħabs għal Afrikan ta’ 28 sena wara li fil-Qorti ammetta li kellu passaport Taljan li ma kienx tiegħu. Iż-żagħżugħ minn Chad inqabad mill-Uffiċjali tal-Immigrazzjoni fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta s-Sibt filgħodu meta kien ser jaqbad titjira lejn Pescara fl-Italja. L-Afrikan kien ilu jgħix f’Malta għal dawn l-aħħar sitt snin fejn kien applika għall-permess sabiex jingħata l-ażil madankollu dan ma nħariġlux. Peress li ma nħariġlux il-permess, l-imputat ingħata dokument maħruġ mill-Pulizija li jibqa’ jgħodd sa ma dan jingħata d-dokumenti meħtieġa biex imur lura f’pajjiżu.
Il-Maġistrat Joe Mifsud irrimarka kif din hija sitwazzjoni inkwetanti li tul dawn is-sitt snin il-futur ta’ dan ir-raġel baqa’ mdendel. Huwa appella lill-awtoritajiet sabiex meta individwu ma jingħatax l-ażil dan minnufih għandu jingħata d-dokumenti meħtieġa biex jiġi ripatrijat f’pajjiżu. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Frankie Sammut filwaqt li għall-imputat deher l-avukat Joe Brincat.