Stħarriġ tal-opinjoni pubblika mill-gazzetti MaltaToday u t-Torċa ppublikati fil-jum tal-Ħadd juru kif il-Partit Laburista jinsab quddiem mill-Partit Nazzjonalista.
Għalkemm iż-żewġ partiti żiedu l-voti mill-aħħar stħarriġ, dak ippublikat fil-MaltaToday il-Ħadd wera li filwaqt li l-Partit Laburista għandu l-fiduċja ta’ erbgħa u erbgħin fil-mija ta’ dawk li wieġbu li se jivvutaw fl-elezzjoni li ġejja, il-Partit Nazzjonalista għandu l-fiduċja ta’ disgħa u għoxrin fil-mija tal-poplu.
Il-gazzetta t-Torċa qalet li l-Partit Laburista għandu l-fiduċja ta’ ħamsa u ħamsin fil-mija tal-poplu, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jgawdi l-fiduċja ta’ disgħa u tletin fil-mija tal-poplu.
Filwaqt li l-MaltaToday qalet li bejn il-Partiti hemm qabża ta’ ħmistax fil-mija, il-gazzetta t-Torċa saħqet li tliet ġimgħat ’il bogħod mill-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali, id-differenza hi ta’ sittax fil-mija.
It-Torċa qalet li d-distakk bejn il-partiti żdied b’ħamsa fil-mija mill-aħħar elezzjoni.
L-istħarriġ tal-MaltaToday juri li l-Partit Laburista jgawdi l- fiduċja fil-maġġoranza tar-reġjuni u l-etaijiet kollha. L-ikbar fiduċja għall-Partit Laburista tinsab fl-etajiet bejn il-wieħed u ħamsin u ħamsa u sittin sena.
Id-differenza bejn Joseph Muscat u Adrian Delia baqgħet evidenti, hekk kif il-Prim Ministru kiseb appoġġ ikbar minn Delia fl-etajiet kollha u fir-reġjuni kollha.
Skont il-MaltaToday il-Prim Ministru għandu l-fiduċja ta’ kważi tnejn u ħamsin fil-mija, filwaqt li Delia għandu l-appoġġ ta’ ftit aktar minn wieħed u għoxrin fil-mija.
Dan filwaqt li mill-isħarriġ ta’ Vincent Marmara fil-gazzetta t-Torċa joħroġ li l-Prim Ministru għandu l-fiduċja ta’ kważi sittin fil-mija, u l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu l-fiduċja ta’ sebgħa u tletin fil-mija.
Il-MaltaToday innutat li f’ċertu ċirkustanzi, il-Partit Nazzjonalista huwa iżjed popolari minn Delia. Ħaġa li tispjega għalfejn il-Partit Nazzjonalista qed jiffoka iktar fuq il-kandidati milli fuq Adrian Delia.
Il-MaltaToday qalet ukoll li l-Prim Ministru baqa’ jżomm l-appoġġ ta’ tlieta u disgħin fil-mija ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Laburista fl-elfejn u sbatax, filwaqt li Delia żamm biss tnejn u ħamsin fil-mija ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista.
Min-naħa tagħha t-Torċa sostniet li l-Prim Ministru qed iżomm l-appoġġ ta’ ħamsa u disgħin fil-mija ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Laburista fl-elfejn sbatax, mentri l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu l-appoġġ ta’ tmienja u sebgħin fil-mija ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-aħħar elezzjoni.