Fl-eqqel ta’ kampanja elettorali l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, qed jispikka għall-mod kif għandu maħsuba strateġija fejn jiltaqa’ mill-inqas mal-ġurnalisti. Saħansitra kien hemm ċirkostanzi fejn il-kmamar tal-aħbarijiet intalbu jibagħtu fotografu jew cameraperson, iżda mbagħad il-ġurnalisti ma kinux mistiedna għall-istess attività.
Żvelat dan il-gażżetta KullĦadd, li qalet li din hija l-ewwel darba li kap ta’ partit politiku qed jaġixxi b’dan il-mod fejn il-ġurnalisti lanqas waqt it-tnedija tal-kandidati jew tal-manifest elettorali ma kellhom ċans jistaqsu. Fl-aħħar ġimgħa Adrian Delia ma deher imkien b’mod li kien disponibbli għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti u f’kemm ilha għaddejja l-kampanja elettorali kien hemm biss okkażjoni waħda fejn wieġeb għad-domandi tal-midja.
Persuni li jafu sew xi jkun qed jiġri fil-Partit Nazzjonalista sostnew mal-KullĦadd li l-Kap tal-Oppożizzjoni mhux komdu li jitkellem dwar ir-rapporti ta’ investigazzjonijiet dwaru, iżda wkoll dwar temi oħra li qed iqumu fil-kampanja elettorali.
Fil-fatt f’diskorsi li għamel, Adrian Delia għamel żbalji bażiċi li Kap tal-Oppożizzjoni mgħarraf ma kienx jagħmilhom. Delia tkellem dwar kemm qed jonqsu l-għalliema u kif huwa tort tal-Gvern li m’hawnx edukaturi biżżejjed. Iżda, il-fatti huma mod ieħor, kif wera l-Prim Ministru nnifsu li fil-programm Xtra.
Illum fil-qasam edukattiv hemm jaħdmu iżjed minn 17,000 persuna. Sitt snin ilu kien hem ftit aktar minn 14,000. Jiġifieri llum hemm mat-3000 persuna aktar taħdem fil-qasam edukattiv. Żieda ta’ kważi 25%.
Anke meta kien qed jitkellem nhar il-Ġimgħa f’Tas-Sliema Adrian Delia spiċċa għamel żball goff li kien espost fl-attività politika tal-Partit Laburista lbieraħ f’Għawdex.
Fil-fatt, il-Partit Laburista akkuża lill-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, li qed jibqa’ jibbaża l-politika tiegħu fuq l-esaġerazzjonijiet, il-biża’ u l-fatti żbaljati. Reġa’ għamel hekk il-Ġimgħa filgħaxija meta kien qed jitkellem f’Tas-Sliema u qal li n-nies f’Tas-Sliema qed jagħmlu saħansitra t-tielet bieb minħabba r-rata ta’ serq f’Tas-Sliema.
Iżda, il-fatti juru li d-dikjarazzjoni ta’ Delia mhi xejn għajr waħda minn sensiela bbażati fuq il-biża’, imma fuq kollox kontra l-verità tal-fatti.
Meta tkellem fix-Xagħra Għawdex, il-Ministru Michael Farrugia espona l-qerq ta’ Adrian Delia u żvela kif imqabbel mal-aħħar sena tal-Partit Nazzjonalista naqsu bi 30% r-rapporti ta’ serq minn djar f’Tas-Sliema.
Qerq li hu parti mill-politika tal-Partit Nazzjonalista bbażata fuq il-biża’. “Il-kampanja ta’ Delia hija waħda bbażata fuq il-biża’ u n-negattività, billi jbeżża’ b’fatti li ma jeżistux,” qal il-Partit Laburista.