Żewġ atleti Maltin tal-BMX jieħdu sehem fl-Alpeadria BMX Championship 2019 – One News

Notifiki

Żewġ atleti Maltin tal-BMX jieħdu sehem fl-Alpeadria BMX Championship 2019

Fl-aħħar jiem żewġ sewwieqa tfal promettenti ħafna,  Jacob Zerafa minn Għawdex u  Aiden Chetcuti minn Malta marru f’Rivignano fl-Italja biex jikkompetu f’rawnd 1 u 2 tal-Alpeadria BMX Championship 2019 li saret bejn is-27 u t-28 ta ‘April 2019.

Din il-kompetizzjoni għenet tajjeb ħafna għall-iżvilupp ta’ dawn iż-żgħażagħ fejn ħadu iktar esperjenza u se tkompli tgħin biex ikomplu jiżviluppaw it-talenti tagħhom anke fix-xena lokali.

Fiż-żewġ kategoriji ħadu sehem 25 sewwieq. Jacob Zerafa spiċċa fis-seba’ post fil-kategorija tiegħu ta’ bejn id-9 u l-10 snin, filwaqt li Aiden Chetcuti  spiċċa fil-15 -il post fil-kategorija tiegħu ta’ bejn il-11 u t-12 -il sena.

Kien hemm sewwieqa mill-Ungerija, l-Italja, is-Slovenja, l-Awstrija u l-Ġermanja jikkompetu magħhom. Il-kompetizzjoni bdiet is-Sibt bit-tlielaq ta’ kwalifikazzjoni, filwaqt li l-Ħadd inżammu l-finali.

Jacob Zerafa irnexxielu jikkwalifika għal fażi finali ta’ Grupp A meta spiċċa fit-12 -il post.

Fil-finali, Zerafa kompla juri progress meta spiċċa fis-seba’ post. Aiden Chetcuti f’din l-ewwel esperjenza tax-xorta tagħha kellu debutt xi ftit diffiċli fejn spiċċa fit-23 post u għalhekk is-Sibt ħa sehem fil-finali ta’ Grupp B.

Hawn Chetcuti wera titjib meta rnexxielu jispiċċa fis-6 post u il-15 fil-klassifika ġenerali.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend