ARA: Petizzjoni biex il-Prim Ministru jibqa' fit-tmun | One News

Notifiki

ARA: Petizzjoni biex il-Prim Ministru jibqa’ fit-tmun

“F’ġieħ l-istabbilità u l-interess ta’ Malta, Joseph Muscat għandu jibqa’ Prim Ministru”.

Hekk saħaq grupp ġdid li nħoloq dalgħodu u li nieda petizzjoni nazzjonali biex dawk interessati jiffirmaw.

Fi kliem il-grupp, Malta għad għandha bżonn l-intelliġenza, l-għaqal u t-tmexxija ta’ Dr. Joseph Muscat.

Il-Grupp fl-Interess ta’ Malta nieda petizzjoni nazzjonali biex il-Prim Ministru jibqa’ fit-tmexxija tal-pajjiż għall-ikbar numru possibbli ta’ snin.

Dan il-grupp ġdid tnieda s-Sibt filgħodu f’Għawdex, propju meta l-Prim Ministru żar din il-gżira u ngħata laqgħa sabiħa mill-Għawdxin.

Il-grupp kompost b’mod ewlieni minn Emmanuel Cuschieri, Ġuża Cassar u Tony Zarb wasslu l-għajta ta’ eluf ta’ Maltin li jixtiequ li l-Prim Ministru jibqa’ jmexxi lil dan il-pajjiż.

“Ir-raġuni hija sempliċi, aħna rridu li Malta tibqa’ tgawdi mill-intelliġenza u l-għaqal fost l-oħrajn ta’ Dr. Muscat”, saħaq dan il-grupp li qed iwassal messaġġ lil Prim Ministru li Malta għad għandha bżonnok.

“Il-ħaddiema, iż-żgħażagħ, il-pensjonanti u kull persuna fis-soċjetà huma mistiedna jagħtu l-appoġġ tagħhom lil din l-inizzjattiva”, qal Emmanuel Cuschieri.

Il-petizzjoni tista’ tiġi ffirmata online fuq dan is-sit iżda anki se tkun f’postijiet madwar il-pajjiż biex kull min jixtieq, jiffirmaha.

Is-Sur Cuschieri qal li imbagħad din il-petizzjoni se tiġi preżentata lil Prim Ministru personalment u saħaq li din il-petizzjoni bl-ebda mod ma trid tkun ta’ indħil mad-deċiżjoni li l-Prim Ministru għandu dritt jagħmel bħal kwalunkwe ċittadin ieħor.

Is-Sur Cuschieri spjega kif min irid jgħin lil dan il-grupp huwa mħeġġeġ jagħmel dan u aktar ‘il quddiem se jingħataw dettalji ta’ laqgħat li se jsiru kemm f’Malta u f’Għawdex.

Tista tiffirma din il-petizzjoni hawn:

https://docs.google.com/forms/d/1BskqBZwESW1xZ3yj4RxyRHipWQZYLom5QKuFKFgrLBE/viewform?edit_requested=true

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend