Delia mgiddeb dwar is-serq minn residenzi f'Tas-Sliema | One News

Notifiki

Delia mgiddeb dwar is-serq minn residenzi f’Tas-Sliema

B’referenza għal dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia l-Ġimgħa ġewwa Tas-Sliema, l-istatistika tar-rapport tal-kriminalità rigward serq mir-residenti ġewwa Tas-Sliema, turi fatti kompletament bil-maqlub ta’ dak illi huwa stqarr.

Fi stqarrija l-Gvern Malti stqarr li l-istatistika turi b’mod ċar illi fl-aħħar għaxar snin, l-iktar sena fejn ir-rata ta’ serq mid-djar kienet għolja fil-lokalità ta’ Tas-Sliema, kienet fl-aħħar sena sħiħa ta’ gvern Nazzjonalista fl-2012 meta matul dik is-sena ġew irrapurtati 76 serqa.

Fl-2018, l-aħħar sena sħiħa ta’ Gvern Laburista, ir-rata ta’ kriminalità rrapurtata fil-lokalità ta’ Tas-Sliema kienet ta’ 55 każ irrapurtat.

Din id-differenza fil-kriminalità bejn l-2012 u l-2018 hija minkejja li d-djar u l-appartamenti u r-residenti Maltin u barranin żdiedu fil-lokalità ta’ Tas-Sliema, fejn allura l-kriminalità kienet mistennija li tiżdied u mhux tonqos kif fil-fatt ġara.

Dan juri b’mod ċar illi dak li qed jingħad mill-Kap tal-Oppożizzjoni huwa l-bogħod mill-verità u intenzjonat biex jallarma r-residenti fil-lokalità ta’ Tas-Sliema.

Din hi l-istess retorika tal-Kap tal-Oppożizzjoni, li filwaqt li jgħid illi l-kriminalità qed tiżdied bla kontroll, l-istatistika uffiċjali turi li l-każi ta’ kriminalità rrapurtati naqset fl-aħħar sentejn bi kważi 8%.

Dan minkejja li f’pajjiżna żdiedet il-popolazzjoni, żdiedu t-turisti u żdiedet l-affluwenza fil-pajjiż.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend