ARA: Dan il-Gvern wiegħed il-mina darba u se jagħmilha – JM – One News

Notifiki

ARA: Dan il-Gvern wiegħed il-mina darba u se jagħmilha – JM

“Wiegħdna l-mina darba u se nagħmluha”.

Hekk sostna l-Prim Ministru waqt attività politika fix-Xagħra fejn irrimarka li ħaddieħor wiegħda għal darba, darbtejn u vvota mal-Gvern fil-Parlament iżda issa reġa’ bdielu.

Fix-Xagħra l-Prim Ministru semma wkoll li l-miżbla tal-Qortin se tinbidel f’park għall-familja, l-ikbar tax-xorta tiegħu fil-gżira tat-tliet għoljiet.

Il-Prim Ministru stqarr, “Għandek Oppożizzjoni illi ħarġet bil-proġett, wegħditu fl-2013, wegħditu fl-2017, ivvutat għalih fil-Parlament u issa ma tridx tagħmlu u għandek Gvern li wegħdu darba u ħa jkun qed jagħmlu dan il-proġett.”

Fost iċ-ċapċip u l-laqgħa sabiħa li tawh l-Għawdxin, il-Prim Ministru saħaq li ħaddieħor wiegħda għal darba, darbtejn f’elezzjonijiet differenti, ivvota magħna fil-Parlament biex il-mina ssir imma issa reġa’ bdielu.

B’referenza għal U-turn tal-mina ta’ Adrian Delia waqt id-dibattitu fuq ix-xandir nazzjonali, il-Prim Ministru qal li Dr. Muscat qal li l-poplu ma jafx fejn qiegħed mal-Kap tal-Oppożizzjoni.

Dr. Muscat qal li l-istudji dwar il-mina tant huma fi stadju avvanzat li issa ninsabu fi proċess li qed jinkitbu t-termini tal-għoti tal-kuntratti.

Saħaq li id f’id mal-proġett tal-mina se jsir tisħiħ fis-servizz tal-Gozo Channel biex jidħol ir-raba’ vapur.

Il-Prim Ministru semma wkoll li hemm pjanijiet sbieħ għall-Għawdex.

Dr Muscat saħaq, “Minflok il-miżbla tal-Qortin ikun hemm wieħed mill-ikbar parks tal-familja illi qatt kien hawn ġewwa Għawdex.”

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u saħaq li x-Xagħra huwa post li tradizzjonalment dejjem kienet lokalità b’elezzjoni missielta.

Hawnhekk il-Partit Nazzjonalista bħal f’ħafna lokalitajiet oħra, ma riedx joħroġx biżżejjed kandidati f’mossa li tmur kontra d-demokrazija.

Dan bil-għan li n-nies ma joħorġux jivvutaw.

Quddiem dan kollu l-Prim Ministru qal li l-moviment li jmexxi huwa differenti mill-Partit Nazzjonalista ta’ Adrian Delia.

Kompla, “U aħna din hija waħda mid-differenzi l-kbar, li aħna għalina l-ġudizzju tal-poplu mhux nibżgħu minnu. Il-ġudizzju tal-poplu aħna għatxanin għalih, irriduh.”

Dr. Muscat qal li l-moviment imur quddiem l-elettoraT mhux b’idu f’idu għaliex il-poplu jaf xi jsarraf.

Semma ukoll li fil-jiem li ġejjin se jiġi preżentat il-manifest elettorali ġenerali għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u anki manifest għal kull lokalità.

Fost l-oħrajn semma l-ħolqien ta’ ċentru ċiviku fix-Xagħra li se jkun qed jagħti iżjed servizzi fil-komunità.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend