L-ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola qalet li hija kburija b’dak li għamlet fil-Parlament Ewropew, u jekk terġa tiġi eletta se tkompli tiġġieled kontra Malta.
F’dawn l-aħħar ħames snin Roberta Metsola flimkien mal-ewroparlamentari David Casa ma tilfux okkażjoni waħda sabiex jaħdmu kontra Malta fl-istituzzjonijiet ewropej. B’Metsola tgħid li hija kburija b’dak kollu li għamlet.
“Kburija li jien dejjem qomt bilwieqfa,” hija qalet.
Roberta Metsola qalet li jekk se tiġi eletta se tkompli tiġġieled fil-Parlament Ewropea, u hekk se jagħmel kull ewroparlamentari li jiġi elett f’isem il-Partit Nazzjonalista. Konferma li se jaħdmu kontra Malta jekk l-ewroparlamentari Nazzjonalisti jiġu eletti.
“L-MEPS tagħna jekk jigu eletti se jkomplu jinsistu u jiġġieldu,” iddikjarat Metsola.
Staqsejna lil Metsola sabiex b’mod konkrett tgħidilna x’għamlet fil-Parlament Ewropew f’dawn il-ħames snin biex tħares l-interess ta’ pajjiżna fil-qasam tat-tassazzjoni. Madankollu Metsola ma lissnitx kelma.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-ġurnalisti staqsew lil Roberta Metsola jekk hix ipokresija li waqt li qed tgħid li trid taħdem għal Malta, hi u l-MEP’s Nazzjonlisti kienu alleati u spalla ma’ spalla ma’ nies bħal Ana Gomes li jakkużaw lil Malta li għandha sistema ta’ taxxa preferenzjali.
Fit-tweġiba tagħha Metsola qalet li għandhom iwieġbu l-ewroparlamentari laburisti għax skontha dawn ma ħadmux biex jiddefendu s-sistema ta’ tassazzjoni ta’ Malta.
“Dik il-mistoqsija aħjar għamiltha lil MEP’s tal-PL,” qalet Metsola.
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li l-ikbar theddida għas-sistema finanzjarja ta’ pajjiżna, inkluż il-mod kif titħaddem it-taxxa, hu l-Partit Nazzjonalista. Dan għax permezz tal-Membri tal-Parlament Ewropew tiegħu l-Partit Nazzjonalista kien spalla ma’ spalla ma’ min attakka s-sistema finanzjarja ta’ pajjiżna kontinwament.
Qal li Metsola u Casa appoġġjaw u ġabu Malta jikteb ir-rapport lil min ried ipinġi lil Malta bħala ‘tax haven’. Sostna li min rewwaħ kontra Malta ma jitwemminx meta jgħid li jrid jiddefendiha.
Sostna li kienu l-MEP’s Laburisti u l-Ministri tal-gvern li kontinwament ddefendew lil Malta minn dawn l-attakki.
Fuq kollox fil-manifest elettorali tiegħu l-Partit Laburista tkellem b’mod ċar dwar kif Membri tal-Parlament Ewropew jemmnu li kwistjonijiet ta’ tassazzjoni jibqgħu kompetenza nazzjonali u dan mhu se jinbidel bl-ebda mod.
Qal li l–MEPs tal-Partit Nazzjonalista, li ma waqfux jitkellmu kontra pajjiżna fi Brussell, illum ma jistgħux ikunu kredibbli meta jgħidu li jridu jħarsu s-sistema finanzjarja ta’ pajjiżna.