Il-borża ta’ Malta intgħażlet sabiex tospita waħda minn żewġ konferenzi prestiġġjużi li jsiru kull sena mill-World Federation of Exchanges. L-WFE hija grupp dinji għall-industriji tal-indiċi u s-swieq tal-bonds madwar id-dinja. Hija tirrapreżenta iktar minn 250 istituzzjoni f’uħud mill-ikbar swieq u ċentri finanzarji.
Dawn jilqgħu fi ħdanha iktar minn 45,000 kumpanija, bl-ammont ta’ kapital totali jlaħħaq iżjed minn $86 triljun, u iktar minn $81 triljun ta’ kull sena jgħaddu minn indiċi li huma membri tal-WFE.
Għall-ewwel darba fl-istorja tal-WFE, Malta intgħażlet biex tospita konferenza annwali. F’Marzu tas-sena d-dieħla, il-Borża ta’ Malta se tospita l-konferenza IOMA: WFE 37th Annual Clearing and Derivatives Conference mifruxa fuq tlett ijiem.
Iċ-chairman tal-Borża ta’ Malta Joseph Portelli qal li “aħna ħdimna ħafna sabiex nattiraw din il-konferenza prestiġġjuża lejn pajjiżna. Ninsabu eċitati u onorati li l-bord tal-WFE għażel il-Borża ta’ Malta għal dan l-avveniment.”