Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia pprova jevità milli jitkellem dwar l-allegazzjonijiet gravi li daħħal flus f’kont bankarju f’Jersey ġejjin mill-prostituzzjoni.
Waqt il-programm Xtra, Adrian Delia reġa’ ikkonferma li ma talabx u mhux se jitlob inkjesta maġisterjali fil-konfront tiegħu biex inaddaf ismu mill-allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus li ilu jiffaċċja mit-tellieqa għall-Kap Nazzjonalista.
“Saviour, Saviour – m’hemm l-ebda inkjesta,” iddikjara Delia.
Hawnhekk il-Prim Ministru tkellem dwar il-problema ta’ kredibilità li għandu Adrian Delia.
“Il-problema l-kbira li għandu l-Kap tal-Oppożizzjoni hija l-kredibilità. Il-kejl li qed jgħid lili biex nagħmel fuq ħaddieħor jagħmlu fuqu nnifsu hu kieku ilu li rreżenja għax l-allegazzjonijiet li kellhu fuqu u li kienu unchecked huma allegazzjonijiet gravissimi. Jien l-ewwel wieħed li ma nidħolx fuqhom. Jien ngħid isiru l-investigazzjonijiet,” sostna Dr Muscat.
Hawn fakkar lil Adrian Delia, li meta l-eks-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil għamel kampanja fuq gidba meta ġie allegat li l-kumpanija Egrant hija tiegħu u ta’ familtu, talab inkjesta maġisterjali.
“Jien ma kellix problema li ssir inkjesta fuqi nnifsi. Tlabt jien li ssir inkjesta fuqi nnifsi,” spjega l-Prim Ministru.
Waqt id-dibattitu Adrian Delia reġa għamel pressjoni sabiex jiġi ppublikat ir-rapport tal-inkjesta Egrant.
Iżda fl-istess waqt ma jridx jippubblika d-dokumenti li għadda lill-Pulizija biex tinvestigahom għax qal li jkun qiegħed jippreġudika l-investigazzjonijiet tal-Pulizija. Dokumenti li huma relatati mal-allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus li qiegħed jiffaċċja Adrian Delia.
Hawn il-Prim Ministru innota l-inkonsistenza ta’ Adrian Delia.
“Int stess qed tikkontradixxi lilek inifsek għas-sempliċi raġuni inti qed tgħid u nemmnek li vvintaw karta kontrik. Qalulek il-ġurnalisti ppublikaha dik il-karta għidtilhom le għax tippreġudika l-investigazzjonijiet. Mela l-karta tiegħek tippreġudika l-investigazzjonijiet, u dak li qed jgħid l-AG li jekk jippublika tal-Egrant tista’ tippreġudika l-investigazzjonijiet, ma tippreġudikax l-investigazzjonijiet,” qal Dr Muscat.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat ddikjara li anke hu jrid il-pubblikazzjoni sħiħa tal-inkjesta Egrant.
L-inkjesta stabbilit ukoll li d-dokumenti li ġew ippreżentanti minn Pierre Portelli, l-id il-leminja tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, lill-Qorti kienu ffalsifikati.
Bl-Avukat Ġenerali qiegħed isostni li l-inkjesta m’għadhiex tiġi ppublikat għalissa biex ma jiġux ippreġudikati l-investigazzjoni li għaddejjien dwar dan il-kaz.
F’dagħdigħa negattiva Adrian Delia nfexx jattaka lil avukat ġenerali Peter Grech. Izda l-Prim Ministru fakkru li kien Gvern Bazzjonalista li ħatar lil Dr Grech bħala avukat ġenerali.
“U l-Avukat Ġenerali, nħataf l-Avukat Ġenerali – bdejt ninkwieta li gralu xi ħaġa Peter Grech? Inħatar mill-gvern ta qabel, aħna ma neħħejniehx jew ħtarnieħ,” saħaq il-Prim Ministru.