Id-Dipartiment tas-Saħħa jgħarraf li bi qbil mal-Kummissjoni Elettorali saru dawn l-arranġamenti li ġejjin sabiex il-votazzjoni minn pazjenti fl-isptarijiet tal-gvern timxi bl-ordni.
Residenti f’Boffa Residential Home ser jivvutaw fl-istess home nhar is-Sibt 18 ta’ Mejju 2019. Filwaqt li pazjenti fit-Dermatology Ward tal-Isptar Boffa ser jivvutaw nhar is-Sibt 25 ta’ Mejju 2019, fl-ibliet u fl-irħula kif indikat rispettivament fuq id-dokument għall-vot tagħhom.
Pazjenti li jkunu rikoverti fl-isptarijiet ta’ Mater Dei, SAMOC, Monte Karmeli, l-Isptar ta’ Riabilitazzjoni Karen Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex sas-sitta ta’ filgħaxija tal-jum tat-Tnejn 20 ta’ Mejju 2019, għalkemm id-dokument għall-votazzjoni tagħhom juri mod ieħor, ser jivvutaw fl-isptarijiet imsemmija. Il-votazzjoni ser issir il-Ħamis 23 ta’ Mejju 2019 bejn is-sebgħa ta’ filgħodu u l-għaxra ta’ filgħaxija.
Pazjenti li jiġu rikoverati fl-Isptar Mater Dei, SAMOC, l-Isptar ta’ Riabilitazzjoni Karen Grech, l-Isptar Monte Karmeli u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex wara s-sitta ta’ filgħaxija tal-jum tat-Tnejn 20 ta’ Mejju 2019, ser jivvutaw fil-jum tas-Sibt 25 ta’ Mejju 2019, fl-ibliet u fl-irħula kif indikat rispettivament fuq id-dokument għall-vot tagħhom.
It-tabib inkarigat mill-kura tal-pazjent ser jindika fl-istorja ta’ kull pazjent jekk jistax joħroġ mis-sala biex jivvota u jekk iva, b’liema mezz ta’ trasport.
Il-pazjenti jkollhom l-għażla li jinqdew bis-servizzi li ser joffri d-Dipartiment sabiex ikunu akkumpanjati sal-post tal-votazzjoni fl-isptar stess u lura jew inkella jagħmlu arranġamenti biex ikunu akkumpanjati lejn u lura minn persuna oħra identifikata minnhom minn qabel.
F’kull sptar fejn il-qraba ser iwasslu lill-pazjenti huma stess bi trasport privat, ikun meħtieġ li dawn l-istess qraba jitolbu permess bil-miktub minn qabel lill-amministratur tal-isptar li fih il-pazjent/a hu/hi rikoverat/a. F’jum il-votazzjoni, jiġifieri is-Sibt 25 ta’ Mejju 2019, dan il-permess irid jintwera l-ewwel lill-uffiċjal tas-sigurtà tal-isptar sabiex l-individwu jkollhu aċċess għall-isptar imbagħad lill-uffiċjal inkarigat fl-istess sptar mit-trasport tal-pazjenti. Biex jiġi faċilitat il-proċess u jiġi evitat dewmien żejjed, hu mitlub li l-qraba li jiġbru lill-pazjenti huma nnifishom, jagħmlu dan bejn is-siegħa u l-ħamsa ta’ waranofsinhar.
Fil-każ ta’ pazjenti li joħorġu biex jivvutaw kontra l-parir tat-tabib jew li ma jiħdux il-parir mogħti lilhom rigward il-mezz tat-trasport jew akkumpanjament, ikun meħtieġ li l-pazjent jiffirma dikjarazzjoni li qed jagħżel li jagħmel hekk fuq responsabbiltà tiegħu innifsu. Jekk jagħmel hekk, ikun jista’ jmur b’liema mezz li jagħżel.
Il-pazjenti huma mfakkra li biex joħorġu jivvutaw għandu jkollhom f’idejhom id-dokumenti għall-votazzjoni. Il-qraba li għandhom f’idejhom id-dokument għall-votazzjoni tal-pazjenti huma mitluba li jagħtu d-dokument lill-pazjent/a. Saru arranġamenti amministrattivi biex pazjenti li jixtiequ jafdaw id-dokumenti għall-votazzjoni f’idejn l-awtoritajiet tal-Isptar jew f’idejn iċ-chairperson tas-sottokumitat imwaqqaf apposta mill-Kummissjoni Elettorali, ikunu jistgħu jagħmlu dan filwaqt li tiġi garantita s-sigurtà ta’ dawn id-dokumenti.
Fil-jum tal-votazzjoni, is-servizzi tas-saħħa fl-isptarijiet, fl-out-patients, fl-ispiżeriji u fiċ-ċentri tas-saħħa ser ikomplu għaddejjin bħas-soltu.
Minħabba li l-Ħamis 23 ta’ Mejju 2019, ser ikun għaddej il-proċess tal-votazzjoni fl-isptarijiet, il-ħinijiet tal-viżitaturi ser ikun ristrett kif imsemmi hawn isfel:
Fl-Isptar Mater Dei, f’SAMOC, fl-Isptar ta’ Riabilitazzjoni Karen Grech, fl-Isptar Monte Karmeli u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex il-ħin tal-viżitaturi ser ikun ristrett għal siegħa, bejn is-sebgħa u t-tmienja ta’ filgħaxija.
Is-Sibt 25 ta’ Mejju 2019, il-ħin tal-viżitaturi fl-Isptar Mater Dei u f’SAMOC ukoll ser ikun ristrett għal siegħa bejn is-sebgħa u t-tmienja ta’ filgħaxija.
F’każ ta’ problemi u ta’ dubji, il-pubbliku hu mitlub jikkomunika mas-sezzjoni tal-Customer Care jew mal-amministrazzjoni fl-entità konċernata.