L-artist ta’ dawn il-pitturi ma kienx magħruf, iżda hekk kif beda l-proċess ta’ restawr, irriżulta li ma kien ħadd ħlief il-pittur magħruf Franċiż Antoine de Favray (1706 – 1798). Favray wasal Malta fl-1744 u baqa’ f’pajjiżna sakemm miet, ħlief għal disa’ snin (1762-1771) meta kien f’Kostantinopoli.
Caravaggio u Mattia Preti huma aktarx l-aktar artisti barranin li ħallew impatt f’Malta. L-arti tagħhom ftit jew wisq ikkundizzjonat il-karattru tal-pittura Maltija tas-seklu 17. L-istess kellu jiġri fit-tieni nofs tas-seklu 18, bil-wasla tal-artist Franċiż Antoine de Favray. Huwa ddomina x-xena tal-arti f’Malta ta’ żmienu. Pitter bosta dinjitarji tal-Ordni ta’ San Ġwann, Gran Mastri, Marixxalli, Prijuri, Kavallieri, Isqfijiet, membri tal-kleru u tal-aristokrazija Maltija, bħall-membri tal-familja Marchesi, tal-Papa Benedittu XIV, u tar-Re Karlu II ta’ Spanja.
Il-proġett ta’ restawr u konservazzjoni sar wara li ngħataw fondi mill-Ministeru tal-Kultura b’konġunzjoni mal-Malta Arts Fund u l-Għaqda Każini tal-Banda u ħa jiġi inawgurat mill-Eċċ. Tiegħu l-President ta’ Malta Dott. George Vella, nhar il-Ġimgħa, 3 ta’ Mejju, 2019 fis-7:30pm fis-sede tas-Soċjetà Mużikali Peace tan-Naxxar. Din is-serata ħa tittella’ bis-sehem ta’ Dun Gino Gauci, storiku u espert tal-Barokk f’Malta, s-Sur Roderick Abela – Direttur tal-kumpanija ReCoop, u Mro. Lino Pirotta – Surmast Direttur tal-Banda Peace,
Nhar is-Sibt, 4 u l-Ħadd, 5 ta’ Mejju ħa ssir Open Weekend biex dawn il-pitturi msemmija jkun għall-wiri għall-pubbliku inġenerali. Okkażjoni li kull min iħobb l-arti, l-kultura u l-wirt ta’ pajjiżna, m’għandux jitlef.