L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta li taqa’ fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali għadha kemm nediet 2 CDs– Mdina, Music for Horn u Fantasia.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici kien preżenti għal din it-tnedija u qal li “permezz ta’ inizjattivi bħal din qegħdin niżguraw li l-mużika hija aktar aċċessibbli għall-komunitajiet tagħna. L-għan tagħna huwa li bħala Gvern niżguraw li l-kultura u l-arti huma dejjem aktar disponibbli għall-pubbliku u b’hekk proġetti ta’ dan it-tip jgħinuna biex inferrxu aktar l-istrateġija kulturali tagħna.”
F’Mdina, li ġiet irrekordjata f’Suffolk mid-Divine Art Ltd., il-mużiċist ewlieni huwa Etienne Cutajar, Principal Horn tal-MPO. Miegħu jingħaqdu l-vjolinist Carmine Lauri u l-pjanist John Reid. Ix-xogħlijiet jinkludu l-Horn Sonata ta’ Beethoven, il-Horn Trio ta’ Brahms flimkien ma’ Mdina, kompożizzjoni ta’ Jesmond Grixti, Malti li jgħix fl-Awstralja. Biċċiet mużikali kontemporanji ta’ Holliger u Widmann jipprezentaw teknika innovattiva, fosthom l-infiħ u l-kant ġewwa l-istrument fl-istess waqt.
Fantasia huwa CD mill-Argotti Ensemble, grupp ta’ erba’ mużiċisti b’konnesjoni qawwija ma’ Malta. Rrekordjat f’Cardiff fl-Acapela Studios, il-kompożizzjonijiet jinkludu tnejn li ġew kkummisjonati apposta: Sonata Sopra Agnus Dei ta’ Alex Vella Gregory u Fantasia for Two Violins, Horn and Piano ta’ Joseph Vella. Dan huwa l-aħħar xogħol komplut tal-mibki kompożitur, li kellu karriera prolifika.