Il-PL – Aħna noħolqu x-xogħol u mhux niżirgħu l-firda – One News

Notifiki

Il-PL – Aħna noħolqu x-xogħol u mhux niżirgħu l-firda

“Illum ħriġna messaġġ li aħna noħolqu x-xogħol u mhux niżirgħu l-firda. Dak huwa l-essenza tal-prinċipji ta’ dan il-moviment. Il-fatt li aħna rridu noħolqu l-ġid, l-ġid jrid igawdih kulħadd u l-ġid iġib aktar ġid. In-nies il-firda ma jriduhiex. Aħna ksibna r-riżultati meta konna maqgħudin bħala poplu.” Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat waqt li kien qed jindirizza l-programm 2505 minn taħt it-tinda ġewwa Ħaż-Żebbuġ.

Dr Muscat spjega li waqt dibattitu li kellhu mal-Kap tal-Oppożizzjoni qallu li Malta għandha ħafna barranin u pajjiżna għandu jkollu pjan u nkunu nafu l-carrying capacity ta’ Malta. Sostna li dan l-argument kellu jsir 15 il-sena ilu qabel dħalna fl-Unjoni Ewropea, għaliex illum il-ġurnata l-maġġoranza tal-barranin huma Ewropej. Il-Prim Ministru sostna li għandna direzzjoni ċara li nifhmu li hemm sfida u li hemm problemi xi nsolvu, iżda nemmnu li ma rridux firda. Sostna iva għax-xogħol, le għal firda u ma nħallux lill min jipprova jitfa ż-żerriegħa tal-firda fost s-soċjeta tagħna.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal ukoll li jrid li l-barranin ikunu skilled. Allura dan jrid li jiġu l-barranin u jkunu l-managers u jieħdu x-xogħol t-tajjeb u jitħallsu tajjeb u x-xogħol inqas tajjeb jagħmlu l-Malti. Dr Muscat sostna li jemmen li kull xogħol huwa dinjituż, iżda lill-Malti jridu jagħmel ix-xogħol it-tajjeb u nġibu lill-barranin għax-xogħol l-ieħor filwaqt li naħdmu flimkien. Stqarr li l-istatements tal-Oppożizzjoni turi nuqqas ta’ ppjanar.

Dr Muscat qal li l-Manifest għall-kandidati tal-Parlament Ewropew li nħareġ illum fih għaxar prijoritajiet li jgħoddu kemm għall-pajjiżna, għall-ewropa u anka għan-nies. Dr Muscat sostna li l-kandidati tal-Partit Laburista tal-Parlament Ewropew, kull minuta tal-ħames snin li ġejjin ser ikollhom lill Malta f’qalbhom. Saħaq li dak li jiġi deċiż fi Brussell jaffettwa l-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna. Huwa qal li meta niġu sabiex nibdew nużaw is-sistema tar-rifużjoni tal-kontenituri tax-xorb, Malta rridu nkunu minn tal-ewwel fl-Ewropa li nagħmlu din il-bidla. Apparti dan irridu naraw li l-Ewropa jkollha politika soċjali illi tippromwovi u tgħin lill-Gvernijiet li jridu jgħinu lill-fabbriki sabiex jibqgħu fl-Ewropa, li jgħinu lill-ħaddiema, kif ukoll naraw li dak li qed nagħmlu  f’pajjiżna li nżidu l-minimum wage tkun xprunata u mgħejuna fuq livell Ewropew.

Dwar l-inklussivita, Dr Muscat saħaq li dak huwa wieħed mill-prinċipji tagħna. Dan mhux biss argument soċjali imma argument ekonomiku għaliex l-inklussivita u l-ugwaljanza jagħmlu sens ekonomiku. Saħaq li wieħed mis-suċċessi l-kbar ekonomiku li ksibna kienet l-inklużjoni għax bdejna ninkludu setturi tas-soċjeta li sa ftit tas-snin ilu kienu għadhom maqtuwajn il-barra mill-attivita ekonomika bħan-nisa u n-nies b’diżabilita. Sostna li qatt daqs illum ma kellna nisa li ħarġu jaħdmu fid-dinja tax-xogħol kif ukoll nies b’diżabilita li qed jaħdmu f’pajjiżna.

Dwar il-prijoritajiet fil-Manifest għal-lokalita ta’ Ħaż-Żebbuġ, Dr Muscat spjega li fost il-prijoritajiet hemm li jinbeda x-xogħol fuq ċentru ċiviku ġdid, li jkun hemm pavimentar ġdid madwar il-bieb De Rohan u jinħolqu aktar spazji rekreattivi fil-lokalita.

F’kumment li ta Hubertus Heil, il-Ministru għall-Affarijiet Soċjali Ġermaniż sostna li l-Partit Laburista f’Malta ħadem ħafna għal xogħol diċenti u inklussivita f’Malta. Sostna li Malta għandha leader b’saħħtu li huwa Joseph Muscat u li kieku kellhu jivvota f’Malta kien jivvota għall-kandidati tal-elezzjonijiet tal-Kunsill Lokali u għall-Parlament Ewropew tal-Partit Laburista.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend